Justin Formosa, il-persuna wara Tikka Banda, qajjem diskussjoni interessanti fuq il-midja soċjali dwar il-ħarsien tal-beritta tradizzjonali li tintlibes mill-bandisti Maltin, hekk kif esprima t-tħassib tiegħu li din qed tisparixxi bil-mod il-mod minn fost il-baned tagħna.
“Il-beritta hija parti mit-tradizzjoni u l-identità tal-baned Maltin. Ma nafx għaliex hawn baned li qed iħallu lil min jinfluwenzhom biex din l-identità tisfaxxa,” kiteb Justin. Huwa fakkar li, issa li l-festa Maltija hija rikonoxxuta mill-UNESCO bħala Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-elementi tradizzjonali li jagħmlu parti minn din l-identità kulturali.
Justin qajjem ukoll il-kwistjoni tas-snajja’ marbuta mal-produzzjoni tal-brieret tal-bandisti, filwaqt li staqsa jekk għandux isir aktar biex dawn jiġu mħarsa u mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri. Fost is-suġġerimenti tiegħu, huwa ppropona li, bħalma jiġu organizzati diversi masterclasses tal-mużika, jistgħu jsiru wkoll workshops u taħriġ dwar l-uniformijiet tal-baned u s-snajja’ artiġjanali marbuta magħhom, bl-għajnuna tal-entitajiet kulturali u l-għaqdiet volontarji.
“Tassew hija ħasra, jekk mhux insult lejn it-tradizzjoni, li b’tant daqq ta’ trombi dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna, qed naraw il-beritta bil-mod il-mod tisfaxxa,” temm jgħid Justin. Il-messaġġ tiegħu jqajjem riflessjoni dwar l-importanza li l-wirt kulturali Malti mhux biss jiġi ċċelebrat, iżda wkoll imħares fl-iżgħar dettalji tiegħu.
Intom x'taħsbu? Il-beritta għandha tibqa’ parti mill-uniformi tradizzjonali tal-baned Maltin?
Facebook / Justin Formosa