“Kull Pass Żgħir Huwa Miraklu!” – Ella Tagħmel L-Ewwel Passi Waħedha F’Mument Mimli Emozzjonijiet

Mument mill-isbaħ għal Ella, it-tifla li ħafna jsegwu l-vjaġġ tagħha permezz tal-paġna Ella's Endless Battle, hekk kif għall-ewwel darba rnexxielha tagħmel xi passi waħedha waqt sessjoni ta’ fiżjoterapija. Permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, inqasmet din il-kisba importanti li seħħet waqt sessjoni ma’ Miss Meme, fejn Ella rnexxielha tagħmel progress sinifikanti lejn aktar indipendenza.

“Għall-ewwel darba rnexxieli nagħmel xi passi waħdi! Kienet biċċa xogħol tassew diffiċli għalija, u naf li għad fadalli triq twila quddiemi,” intqal fil-messaġġ. Minkejja l-isfidi li tiffaċċja, Ella tibqa’ determinata li tkompli taħdem, tipprattika u temmen fil-kapaċitajiet tagħha sabiex kuljum tersaq pass eqreb lejn aktar indipendenza.

Fil-messaġġ ingħata wkoll ringrazzjament speċjali lill-organizzazzjoni Embrace Diversity, għall-appoġġ kontinwu, l-inkoraġġiment u l-fiduċja li dejjem uriet f’Ella, anke fl-aktar mumenti diffiċli. “Il-vjaġġ tiegħi mhuwiex wieħed faċli, iżda jien hawn, nagħti l-aħjar tiegħi, niffaċċja kull sfida u nirrifjuta li naqta’ qalbi. Kull pass żgħir ’il quddiem huwa kisba kbira għalija, u kull progress inħossu bħala miraklu.”

Din il-kisba hija tfakkarnia li dak li għal xi wħud jista’ jidher bħala pass żgħir, għal oħrajn jista’ jfisser rebħa enormi. Prosit mill-qalb, Ella! Kompli emmen fik innifsek u qatt taqta’ qalbek. Pass wara pass, qed tersaq lejn il-ħolm tiegħek!

Ritratt:

Facebook / Ella’s Endless Battle

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI