Grazziella, omm iċ-ċkejkna Faith, esprimiet il-ferħ tagħha li matul dawn l-aħħar xhur, hi u bintha, irnexxielhom jibnu komunità fuq il-midja soċjali li mhux biss qiegħda tqajjem kuxjenza dwar id-down syndrome u kundizzjonijiet oħrajn ta' diżabbiltà, iżda wkoll qed tirrikonoxxi u titkellem fil-miftuħ dwar l-importanza li persuni b'dawn il-kundizzjonijiet jiġu aċċettati, inklużi u stmati bħal kulħadd.
L-omm ilha għal dawn l-aħħar xhur ixxerred il-pożittività fuq il-midja soċjali billi turi l-istorja ta' tant ispirazzjoni ta' bintha Faith li ta' kuljum ma tħallix il-kundizzjoni tad-down syndrome xxekkilha milli twettaq il-ħolm tagħha u tgħix il-ħajja li tixtieq.
Fil-messaġġ li kitbet, l-omm fissret kif illum il-ġurnata hi sservi bħala l-vuċi ta' bintha, iżda tant kemm temmen fil-ħiliet u d-determinazzjoni ta' bintha, hi tistqarr li persważa li fil-futur Faith se tkun il-vuċi tagħha stess u se tkun f'qagħda li tiddefendi persuni b'diżabbiltà hi stess.
Prosit tassew lil Faith u l-familja tagħha!
Facebook / Up & Up With Faith