Il-Kunsill Lokali ta’ Paola qasmu messaġġ fuq il-midja soċjali dwar laqgħa tal-kunsill li kellha tintemm ħesrem.
Huma qalu, “It-32 laqgħa tal-Kunsill Lokali Paola li nżammet illum l-Erbgħa 28 ta' Ottubru, ntemmet ħesrem hekk kif is-Sindku nforma li kien ser iħalli l-laqgħa, wara li aktar kmieni llum, kellu l-kontijiet bankarji personali sekwestrati minħabba li l-Kunsill Lokali kien appella għal deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar żvilupp tal-bini f’żona UCA.”
Ziedu, “Il- Kunsillieri l-oħra preżenti, b’solidarjetà mas-Sindku, b’mod unanimu, għamlu l-istess. Dan fid-dawl sabiex nibqgħu nipproteġu d-dritt li nappellaw minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar mingħajr ma jkun hemm riperkussjonijiet għall-membri tal-Kunsill.”
Is-Sindku Jason Sivio tkellem ukoll fejn qal, “Illum spiċċajt bil-kont tal-bank tiegħi personali sekwestrat minn żviluppatur li f'isem il-Kunsill Lokali Paola sar appell biex niddefendu ż-żona UCA ta' raħalna. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil sħabi l-kunsilliera li sibt appoġġ mingħandhom biex nibqgħu nipproteġu lir-rahal tagħna.Nittama li nsib għajnuna għall-ġustizzja!”
Dwar dan tkellmet ukoll il-ministru Alison Zerafa Civelli fejn qalet, "Hekk kif fuq sena ilu ddaħħlet leġiżlazzjoni li tipproteġi lil dawk li jeżerċitaw funzjoni pubblika, għadni kif tlabt lill-Avukat tal-Istat sabiex nibdew il-proċeduri neċessarji biex minnufih nagħtu l-protezzjoni sħiħa tal-Istat skont il-liġi lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio. Dan fil-proċeduri tas-sekwestru kif ukoll fil-kawża għad-danni ppreżentata kontrih."
Żiedet, "Ser nibqgħu nsegwu l-każ mill-qrib biex inkomplu noffru l-appoġġ kollu li jixraq, filwaqt li nirringrazzjaw lis-Sur Jason Silvio u lis-Sindki u l-Kunsilliera kollha għall-ħidma tagħhom. Dan huwa sinjal ċar ta kemm il-Gvern huwa kommess li jipproteġi lil dawk kollha li jservu lis-soċjetà tagħna."
Paola Local Council
Jason Silvio