Ħajja Aħjar Għal 55 Familja – Tibda Rinnovazzjoni Ta’ Erba’ Blokok Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali Fil-Gżira

Owen Bonnici

Tibda r-rinnovazzjoni ta’ 4 blokok ta' akkomodazzjoni soċjali fil-Gżira li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ 55 familja. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li għaddejjin fuq erba’ blokok residenzjali ta' akkomodazzjoni soċjali fil-Gżira.

Il-proġett, li jkopri 10 entraturi u 55 appartament, jinvolvi investiment ta’ €450,000 u jinkludi r-restawr u t-titjib tal-faċċati, is-soqfa u l-partijiet komuni tal-binjiet.

Ix-xogħlijiet fuq il-faċċati bdew f’Lulju 2026 u huma mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Diċembru, filwaqt li x-xogħlijiet fuq is-soqfa u l-partijiet komuni mistennija jitlestew sa Diċembru.

Il-Ministru Bonnici saħaq li dan huwa investiment f’komunitajiet li jixirqilhom ambjent residenzjali aħjar u aktar dinjituż. Huwa rrefera wkoll għall-investiment li se jsir fl-2027, li jammonta għal ftit inqas minn €2 miljun fil-manutenzjoni u t-tisbiħ ta’ blokok residenzjali tal-akkomodazzjoni soċjali madwar il-pajjiż, li minnu se jibbenefikaw 244 familja.

Dan bis-saħħa tal-Budget 2027 li għandu l-għan li jservi ta' serħan il-moħħ għall-familji Maltin u Għawdxin. Dwar l-għajnuna għall-akkomodazzjoni affordabbli l-Ministru Bonnici semma l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar li jkomplu jappoġġjaw lil persuni u familji f’ċirkostanzi differenti, fosthom il-Garanzija tad-Depożitu, l-Equity Sharing, New Hope u Sir Sid Darek sabiex jixtru d-dar tagħhom.

Huwa spjega li dawn l-iskemi se jerġgħu jiġu estiżi sabiex aktar persuni u familji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Gvern. Is-sena li għaddiet medja ta' familja kuljum saret sid darha bis-saħħa ta' xi waħda minn dawn l-iskemi. Dr Bonnici qal ukoll li se jiġu estiżi l-iskemi kollha l-oħra relatati mal-akkomodazzjoni.

Qal li fil-każ tal-għajnuna għal min jgħix fil-kera (kemm dik ta' qabel l-1995 u dik ta' wara l-1995) hu mistenni li s-sena li ġejja jiġu investiti total ta' €27 miljun fiż-żewġ skemi rispettivi.

Dan biex ħadd ma jibqa' lura. Bl-istess mod l-iskema tal-first-time buyers, li fl-ewwel mitt jum tal-Gvern kompliet tissaħħaħ, se tiġi estiża u b'kollox qed jiġi prospettat li jiġu investiti € 11.5 miljun matul is-sena d-dieħla.

Dr Bonnici qal li matul is-sena li għaddiet kien hemm iktar minn 15,000 ruħ li gawdew minn xi waħda mill-iskemi tal-Awtorità tad-Djar u fl-ewwel disa' xhur dan l-ammont tela' għal 20,000.

Inkluż f'dawn l-ammonti ta' benefiċjarji hemm ukoll dawk li gawdew minn għajnuniet biex itejbu l-proprjetà tagħhom sabiex ikomplu jgħixu ħajja indipendenti.

Il-Ministru Bonnici qal li għas-sena d-dieħla hemm allokati €10 miljun b’appoġġ għal persuni u familji f’ċirkostanzi differenti għal dan il-għan.

Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-Buyers’ Charter, li għandha l-għan li ssaħħaħ it-trasparenza fis-suq tal-proprjetà u tħares id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tax-xerrejja.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar dan għalqet fit-2 ta’ Novembru, u fil-jiem li ġejjin se ssir konferenza li matulha se jingħata spazju lill-partijiet interessati biex jesprimu l-fehmiet u l-proposti tagħhom, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni.

Irrefera wkoll għall-ħidma tal-Gvern dwar l-art pubblika, fosthom is-suċċess tal-iskema Temp25+ li ġiet imnedija f’Diċembru tal-2025 għall-fidi ta’ ċnus temporanji residenzjali, li qed tgħin lil familji u individwi jsiru sidien sħaħ ta’ darhom.

Huwa qal li b'kollox daħlu 515-il applikazzjoni valida mill-bidu tal-iskema sal-lum. Minn dawn diġà ġew ppubblikati 39 kuntratt, filwaqt li 7 oħra mistennija jiġu ffirmati fil-jiem li ġejjin.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI