L-Aġent President, Helena Dalli, kitbet dwar esperjenza li missitilha ferm qalbha.
Hi spjegat, “Hemm nies li, bil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, iżommu ħajja l-memorja ta’ pajjiżna u jsaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna. Philip Borg u Joe Gouder huma tnejn minnhom. It-tnejn jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà Maltija.”
Żiedet tgħid, “Philip, permezz tal-programmi tiegħu dwar is-solidarjetà soċjali, tal-kitbiet tiegħu fil-gazzetti u fuq il-medja soċjali, jibqa’ jqanqal il-ħsieb u jfakkarna fir-responsabbiltà tagħna lejn xulxin. Il-ħidma twila tiegħu politika hija wkoll parti minn ħajja ta’ impenn soċjali. Joe Gouder, li qabeż it-tmenin sena, għadu jaqsam magħna l-frott tar-riċerka tiegħu, speċjalment dwar il-Fgura. Il-ħwienet, il-bejjiegħa, is-snajja’ u l-ħajja ta’ kuljum isibu posthom fir-rakkonti tiegħu. Tant hemm materjal li wħud min-noti u r-ritratti li qasam fuq il-midja soċjali intużaw f’pubblikazzjonijiet dwar il-Fgura fl-imgħoddi, illum aċċessibbli fir-repożitorju tal-Università ta’ Malta.”
Kompliet tikteb, “Għandna nagħrfu l-għerf, l-esperjenza u l-ħidma ta’ dawn in-nies. Philip u Joe għadhom jagħtu minn ħinhom u minn dak li jafu, volontarjament, għall-ġid tas-soċjeta’ tagħna. Dan huwa kontribut li ma jitkejjilx bil-flus, iżda jħalli ġid li jibqa’. Grazzi, Philip u Joe. Kien ta’ pjaċir u unur għalija li niltaqgħu u nitgħallmu minn xulxin.”
Facebook / Helena Dalli