Oliver Scicluna kiteb messaġġ fuq il-paġna tiegħu biex jesprimi xi ħaġa li tweġġgħu ferm.
Hu spjega, “Ma nħobbx nikteb dan it-tip ta’ messaġġi, iżda xi kultant ikolli nagħmel tfakkira. Jien dejjem nipprova ngħin lil min jirrikorri għandi għall-għajnuna, għalkemm mhux dejjem ikolli s-soluzzjoni għal kollox. Nipprova nsib soluzzjonijiet differenti, iżda jien imperfett u niżbalja wkoll. Dak li jweġġagħni, u bil-kbir, huwa meta persuna tippretendi li ddawwar il-proċeduri li japplikaw għal kulħadd biex taqdi lilha. Nipprova nibqa’ kalm, għax hekk hi n-natura tiegħi. Madankollu, hemm individwi, u huma ftit ħafna, li jaqbżu l-limiti, jidħlu fil-personali, jikkuntattjawni permezz ta’ mezzi personali u jużaw diskors abbużiv.”
Żied jgħid, “Dan mhux se naċċettah u qed inkun ċar u tond dwar dan. Ma ktibtx dan il-messaġġ la biex infittex kuraġġ u lanqas għal-Likes, iżda sempliċiment biex dan il-messaġġ jasal għand min għandu jasal.”
Facebook / Oliver Scicluna