Minn Inċident Li Seta’ Temm Il-Ħolma Ta’ Morgan, Għal Rebħa Fil-Kampjonat Fi Sqallija

Hemm rebħiet li jfissru ferm aktar minn trofew jew post fuq il-podju. Rebħiet li warajhom hemm xhur ta’ tbatija, sagrifiċċji, kuraġġ u determinazzjoni li ma taqtax qalbek.

Din hija l-istorja ta’ Morgan Zammit, li rnexxielu jagħlaq l-ewwel staġun tiegħu fil-kategorija OKN-J b’mod mill-aqwa, billi ġie inkurunat champion tal-Kampjonat tal-Karting ta’ Sqallija! Fl-aħħar tellieqa tal-istaġun, Morgan kiseb il-pole position, rebaħ il-prefinali u temm l-aħħar tellieqa fl-ewwel post.

Wara inċident li żammu 'l bogħod mill-korsa għal żmien twil, Morgan kellu jgħaddi minn sfidi fiżiċi u mumenti ta’ dubju dwar jekk qatt setax jerġa’ jwettaq il-ħolma tiegħu, iżda ma qatax qalbu, tant li rritorna b’aktar determinazzjoni u llum jista’ jgħid li sar l-ewwel sewwieq Malti li rebaħ dan il-kampjonat fil-kategorija OKN-J fi Sqallija.

F’messaġġ emozzjonanti, Morgan irringrazzja lil dawk kollha li kienu parti minn dan il-vjaġġ, fosthom it-tim tiegħu, il-mekkanik Leo u fuq kollox il-familja tiegħu. Madankollu, quddiemu hemm sfida oħra għax dalwaqt se jgħaddi minn operazzjoni oħra relatata mal-inċident li kellu.

B'hekk, l-akbar rebħa mhijiex li tiġi fl-ewwel post, iżda li ssib il-kuraġġ meta l-ħajja tagħtik kull raġuni biex taqta’ qalbek.

Ritratt:

Facebook/Morgan Zammit 61

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI