Stuta: Austin Camilleri Fil-Konkatidral Ta’ San Ġwann, Il-Belt Valletta

Picture20

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann bi pjaċir tħabbar Stuta, installazzjoni temporanja ġdida ta’ Austin Camilleri, artist Malti magħruf internazzjonalment. Ix-xogħol jinsab għall-wiri fil-Kappella tal-Lingwa ta’ Aragona, Katalunja u Navarra, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Stuta hija parti minn Allegoria, proġett ta’ arti kontemporanja maħsub u mtella’ minn RECOOP, il-kumpanija tal-konservazzjoni u r-restawr li ilha aktar minn għoxrin sena taħdem fil-Konkatidral. Il-proġett, ikkurat minn Andrea Depasquale, iqarreb l-arti kontemporanja lejn il-konservazzjoni tal-wirt kulturali: l-artisti huma mistiedna jwieġbu għall-monument u għax-xogħol li sar biex jiġi kkonservat.

Camilleri jdaħħal lingwaġġ artistiku tal-lum f’kappella li d-dehra tagħha ssawret tul is-sekli mid-devozzjoni reliġjuża, mill-patruni tal-arti u mill-istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann. Ix-xogħol tiegħu ma jippruvax jimita l-Barokk ta’ madwaru. Minflok, jitkellem miegħu, u jġegħelna nerġgħu nħarsu lejn monument li għal sekli sħaħ tkellem dwar l-awtorità, il-prestiġju u r-rebħ.

Il-punt tat-tluq huwa l-monument funebri tal-Gran Mastru Nicolas Cotoner, skolpit minn Domenico Guidi, u x-xogħol ta’ konservazzjoni li RECOOP għamlet fuqu bejn l-2006 u l-2008. B’ġest maħsub sew, Camilleri ma jħarisx lejn id-deheb tal-monument, iżda lejn dak li r-restawr neħħa minn fuqu: in-nugrufun u r-residwi li nġemgħu maż-żmien.

Dan il-materjal inġabar, inbidel f’xema’, u ħa sura ġdida fil-mantell imdendel bit-titlu ta’ Stuta. B’hekk l-artist jaqleb it-tifsira tal-monument ta’ taħt fuq: dak li darba kien juri l-kobor ta’ awtorità li tidher li ma tintemm qatt, issa jsir xbieha ta’ dak li hu fraġli u dgħajjef.

Ix-xogħol jistedinna naħsbu dwar ir-rabta bejn il-poter u l-memorja, bejn il-lussu tal-materjal u t-traċċi li tħalli l-istorja, bejn dak li jibqa’ u dak li jgħaddi maż-żmien.

Iż-żewġ figuri megħluba fil-monument ta’ Cotoner iġegħluna nistaqsu x’hemm wara l-lingwaġġ trijonfali tal-poter, u nagħrfu d-dgħufija umana li ta’ spiss tinħeba warajh. Ifakkruna li meta l-istorja jiktibha min hu b’saħħtu, il-ħajja, l-identità u l-esperjenzi ta’ min kien taħtu jistgħu jintesew. U din mhix ħaġa tal-passat biss.

L-iskjavitù u l-isfruttament tal-bniedem għadhom magħna sal-lum, anke hawn Malta. Jieħdu forom differenti, imma għandhom ħaġa komuni u inkwetanti: il-bniedem jispiċċa għodda f’idejn l-interessi ekonomiċi, l-ambizzjonijiet politiċi jew il-pjaċir personali ta’ ħaddieħor.

Stuta hija maħsuba bħala anti-monument. Tisfida l-lingwaġġ tat-trijonf u tistedinna nħarsu lejn l-istorja, il-memorja u d-dgħufija umana b’mod aktar kalm u riflessiv.

Magħha hemm ukoll idejn tax-xama’ minsuġin f’xulxin, li jġibu flimkien is-sens ta’ xogħol intimu ta’ rabta bejn il-bnedmin u dak ta’ tifkira. Permezz ta’ Allegoria, il-Konkatidral ta’ San Ġwann juri li mhux biss huwa kapulavur tal-arti u l-arkitettura Barokka, iżda wkoll wirt ħaj: post fejn l-arti tal-lum tista’ titkellem mal-passat u toħloq tifsiriet ġodda, b’rispett sħiħ lejn l-istorja tiegħu.

“Il-Konkatidral ta’ San Ġwann minn dejjem kien post fejn il-lingwaġġ tal-arti baqa’ jiżviluppa minn seklu għal ieħor. Kull żmien żied il-forom u t-tifsiriet tiegħu ma’ konversazzjoni bejn l-istorja, l-arti u l-fidi li għadha għaddejja sal-lum. Allegoria u Stuta ta’ Austin Camilleri huma parti minn din it-tradizzjoni. Wirt ħaj mhuwiex wirt iffriżat fiż-żmien: iżomm l-integrità storika tiegħu, imma jibqa’ miftuħ għar-riflessjoni, għall-interpretazzjoni u għal involviment responsabbli. Aħna u niċċelebraw il-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, inġeddu l-impenn tagħna li nħarsu u nsaħħu dan il-wirt straordinarju, biex jibqa’ jispira, jiġbed u jkellem lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Prof. Mons. Emmanuel Agius, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Id-deċiżjoni li Stuta tiġi installata ittieħdet mill-Kunsill tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, wara li approva t-talba ta’ RECOOP. Sussegwentament il-Kapitlu Metropolitan tal-Katidral ġie wkoll mgħarraf b’din id-deċiżjoni.

Għal aktar tagħrif, żur www.stjohnscocathedral.com

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI