“Qatt Ma Żammejniek F’Dirgħajna, Imma Se Nġorruk F’Qalbna Għal Dejjem” – Sarah Bajada Taqsam L-Uġigħ Tat-Telfa Tat-Tarbija Tagħha U Ta’ Alex Borg

F’għeluq sninha, Sarah Bajada għażlet li taqsam messaġġ profondament personali u emozzjonanti fuq il-mezzi soċjali, fejn għall-ewwel darba tkellmet dwar it-telfa tat-tarbija li kienet qed tistenna flimkien mas-sieħeb tagħha, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.

Sarah spjegat li din is-sena ma kinitx dik li kienet ippjanat, iżda llum qed tiċċelebra l-mara li kellha ssir wara li l-ħajja bidlitilha l-pjanijiet tagħha. "F’dan għeluq snini, mhux qed niċċelebra s-sena li kont ippjanajt f’moħħi. Qed niċċelebra l-mara li kelli nsir meta l-ħajja bidlet dawk il-pjanijiet," kitbet Sarah.

Hi żvelat li kienet qed tistenna tarbija, li bi mħabba kienet issejħilha Baby B. Sfortunatament, il-qalb ċkejkna tat-tarbija waqfet tħabbat, u magħha sfaxxaw il-ħolm u l-pjanijiet li l-familja kienet bdiet tagħmel. Sarah rrakkontat kif għal xahrejn u nofs it-tarbija kienet parti minn kull mument ta’ ħajjithom. Siefru flimkien, ħadmu u saħansitra t-tarbija kienet magħhom fuq il-palk waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza.

Hi fakkret kif dakinhar il-libsa tagħha bilkemm kienet għadha tiġiha, iżda ħadd ma kien jaf bis-sigriet sabiħ li kienet qed iġġorr. Wara din it-telfa, Sarah u Alex komplew bil-ħajja u bl-impenji tagħhom, filwaqt li fis-skiet kienu qed iġorru magħhom uġigħ li diffiċli jitfisser bil-kliem.

"Għal ġimgħat sħaħ, jien u Alex bqajna nitbissmu, naħdmu u nwettqu l-impenji tagħna, filwaqt li fis-skiet konna qed inġorru uġigħ li l-kliem qatt ma jista’ jfisser. Konna nsostnu lil xulxin, anke meta t-tnejn konna qed nitkissru minn ġewwa," spjegat Sarah. Fil-messaġġ tagħha, Sarah għamlet ukoll riflessjoni importanti dwar l-uġigħ li jġarrbu l-missirijiet meta tintilef tarbija waqt it-tqala.

"L-irġiel ukoll ibatu t-telfa. Il-missirijiet ukoll jitilfu t-trabi tagħhom. Is-skiet tagħhom ma jfissirx li l-uġigħ tagħhom huwa iżgħar," saħqet Sarah, filwaqt li fissret kif Alex kien ta’ sostenn kbir għaliha minkejja li hu stess kien qed iġorr din it-tbatija. Sarah wasslet ukoll messaġġ ta’ solidarjetà lil dawk il-ġenituri kollha li għaddew minn esperjenza simili, filwaqt li sostniet li s-saħħa ma tfissirx li wieħed qatt ma jitkisser, iżda li jsib il-kuraġġ biex jerġa’ jqum.

Hi temmet il-messaġġ tagħha bi kliem mill-qalb indirizzat lit-tarbija tagħhom. "Baby B tagħna, int għamiltni omm għal darb’oħra u lil Alex missier, u xejn mhu se jneħħilna dan. Qatt ma stajna nżommuk f’dirgħajna, iżda se nġorruk f’qalbna għal dejjem."

Messaġġ li żgur se jmiss il-qlub ta’ ħafna, speċjalment dawk li għaddew mill-uġigħ tat-telfa ta’ tarbija waqt it-tqala. Minn Gwida.mt nibagħtu tgħanniqa kbira lil Sarah, Alex u l-familja kollha tagħhom f’dan il-mument diffiċli. Nawgurawlhom ħafna saħħa, kuraġġ u mħabba hekk kif ikomplu mexjin ’il quddiem, filwaqt li jżommu l-memorja taċ-ċkejken Baby B dejjem f’qalbhom.

Ritratt:

Facebook / Sarah Bajada

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI