Il-Padiljun Malti Fost L-Aqwa Għaxra Fil-Biennale Ta’ Venezja 2026

Kisba oħra għall-artisti Maltin fix-xena internazzjonali! Permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, Luke Dalli ħabbar li l-Padiljun Malti ġie rikonoxxut fost l-aqwa għaxar padiljuni nazzjonali fil-Biennale ta’ Venezja 2026, waħda mill-akbar u l-aktar pjattaformi prestiġjużi għall-arti kontemporanja fid-dinja.

"Kisba oħra mill-aqwa għal Malta. Għal darb’oħra, l-artisti u l-kreattivi tagħna għamluna kburin," kiteb Dalli, filwaqt li saħaq li dan ir-rikonoxximent huwa wieħed sinifikanti, speċjalment meta wieħed iqis li kien hemm aktar minn mitt padiljun u wirja.

Dalli esprima wkoll il-kburija tal-Kunsill Malti għall-Arti, bħala l-kummissjonarju tal-Padiljun Malti, għall-ħidma tal-artisti, il-kreattivi, il-kuratur u dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex dan il-proġett seta’ jieħu l-ħajja. "L-artisti Maltin jistħoqqilhom post fix-xena dinjija. U għal darb’oħra, urewna għaliex," temm jgħid Dalli.

Dan ir-rikonoxximent ikompli jixhed it-talent u l-kreattività li għandna f’pajjiżna, kif ukoll il-kapaċità tal-artisti Maltin li jispikkaw lil hinn minn xtutna. F’isem it-tim ta’ Gwida.mt, nifirħu lil dawk kollha involuti f’din il-kisba!

Ritratt:

Facebook / Luke Dalli

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI