35 Sena Mill-Mewt Ta’ Freddie Mercury – Il-Leġġenda Li Għadu Jgħix Permezz Tal-Mużika Tiegħu

Diffiċli temmen li diġà għaddew 35 sena minn meta Freddie Mercury ħalla din id-dinja! Kien proprju bħal-lum, fl-24 ta’ Novembru tal-1991, li tħabbret il-mewt tal-kantant ewlieni tal-grupp Queen, fl-età ta’ 45 sena. Freddie, li twieled bl-isem ta’ Farrokh Bulsara, mhux biss kellu vuċi liema bħalha, iżda kellu dik il-kariżma partikolari li biha kien kapaċi jżomm eluf ta’ nies imwaħħlin isegwuh kull darba li jitla’ fuq il-palk.

Flimkien mal-membri l-oħra ta’ Queen, Brian May, Roger Taylor u John Deacon, Freddie tana għadd ta’ suċċessi li għadhom popolari sal-lum. Min minna qatt ma kanta ma’ xi waħda mill-kanzunetti bħal Bohemian Rhapsody, Don't Stop Me Now, Somebody to Love jew We Are the Champions? Żgur li waħda mill-aktar wirjiet li baqgħet imnaqqxa fil-memorja ta’ bosta hija dik ta’ Queen waqt il-kunċert Live Aid fl-1985. Biżżejjed wieħed imur jara s-siltiet ta’ dik il-wirja biex jifhem il-kobor ta’ dan l-artist u r-rabta li kien kapaċi joħloq mal-pubbliku.

Freddie miet kawża ta’ kumplikazzjonijiet relatati mal-AIDS, proprju l-għada li ħabbar pubblikament li kellu din il-kundizzjoni. Kieku għadu magħna, fil-5 ta’ Settembru li għadda kien jiċċelebra għeluq it-80 sena tiegħu. Is-sabiħ hu li minkejja li għaddew 35 sena minn mewtu, għadek issib tfal u żgħażagħ li jafu l-kanzunetti tiegħu bl-amment. Ġenerazzjonijiet li lanqas biss kienu twieldu meta Freddie ħalliena, iżda li xorta waħda saru jħobbu u japprezzaw il-mużika tiegħu. Xhieda tal-legat li ħalla warajh!

Kemm kien ikun sabiħ li kieku kellna ċ-ċans ingawdu t-talent tiegħu għal aktar snin! Liema hi dik il-kanzunetta ta’ Queen li kull darba li tisimgħuha ma tistgħux ma tkantawx magħha?

Ritratt:

Facebook / Queen

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI