L-ispirtu tal-Milied se jinħass f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se jittellgħu 61 attività festiva bħala parti mill-Iskema tal-Milied 2026, b’investiment ta’ kważi €700,000 mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. B’kollox, 47 attività se jsiru f’Malta u 14 oħra f’Għawdex. Dawn se joffru divertiment għal gosti u etajiet differenti, filwaqt li jippromwovu t-tradizzjonijiet Maltin, il-kultura u t-talent lokali.
Il-programm ta’ din is-sena jinkludi villaġġi u swieq tal-Milied, mixegħla tad-dwal, kunċerti, wirjiet, presepji ħajjin, produzzjonijiet teatrali u attivitajiet kreattivi. Se jkun hemm ukoll attivitajiet apposta għat-tfal u għall-anzjani, kif ukoll wirjiet ta’ artiġjanat u prodotti tradizzjonali Maltin.

Importanza partikolari se tingħata lit-tradizzjonijiet marbuta ma’ dan iż-żmien tas-sena, fosthom il-bini tal-presepji, l-għana, il-mużika folkloristika, l-ikel tradizzjonali u l-purċissjonijiet tal-Bambin.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex isaħħu s-sens ta’ komunità. "Irridu li kull lokalità jkollha l-opportunità tiċċelebra dan iż-żmien b’mod li jirrifletti l-karattru u l-komunità tagħha," sostniet il-Ministru.

Fost l-attivitajiet li se jittellgħu hemm il-Klaus Percopus Village f’Ħal Kirkop, li se jsir fil-5 u s-6 ta’ Diċembru b’investiment ta’ €15,000. Din l-attività hija ispirata mill-villaġġi Ewropej tal-Milied u se toffri esperjenza festiva kemm lir-residenti kif ukoll lill-viżitaturi. Dawn l-inizjattivi se jagħtu wkoll opportunità lil ġenerazzjonijiet differenti biex jiltaqgħu, iqattgħu ħin flimkien u jgħaddu t-tradizzjonijiet Maltin tal-Milied lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.
U intom, liema attivitajiet tal-Milied qed tistennew bil-ħerqa din is-sena?