Luca Se Jaqdef 260 Kilometru Bir-Rota Biex Jonora L-Memorja Ta’ Missieru U Jgħin Lil Min Hu Fil-Bżonn

Għar-raba’ sena konsekuttiva, Luca Caruana se jerġa’ jisfida lilu nnifsu billi jdur darbtejn mal-kosta ta’ Malta bir-rota, b’għan għal qalbu ferm, li jżomm ħajja l-memorja ta’ missieru John u jiġbor fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Missier Luca ħalla din id-dinja fl-età ta’ 57 sena wara li ssielet mal-kanċer. Matul dak il-perjodu diffiċli, il-Malta Community Chest Fund kienet ta’ spalla għal John u għall-familja tiegħu. Kien proprju dan l-appoġġ li wassal lil Luca biex joħloq l-inizjattiva Għinni Ngħin, bħala mod kif jagħti xi ħaġa lura.

L-isfida ta’ din is-sena se tarah jaqdef 260 kilometru bir-rota, b’elevazzjoni akkumulata ta’ 3,600 metru, bil-għan li jiġbor €10,000 biex jgħin lil persuni li għaddejjin mill-esperjenza tal-kanċer. "Li nisfida lili nnifsi huwa l-mod tiegħi kif nagħti xi ħaġa lura u nżomm ħajja l-memorja ta’ missieri. Mill-esperjenza tiegħi stess naf xi jfisser l-appoġġ għal familja li tkun għaddejja minn żminijiet diffiċli," jistqarr Luca.

Fit-tliet edizzjonijiet preċedenti ta’ din l-inizjattiva nġabru aktar minn €23,000, li minnhom €9,225 inġabru s-sena li għaddiet biss. Din is-sena, Luca jittama li jaqbeż dak l-ammont bl-għajnuna tal-pubbliku, tan-negozji lokali u tal-kumpaniji. Dawk li jixtiequ jappoġġjaw lil Luca f’din l-isfida jistgħu jagħtu donazzjoni permezz ta’ Revolut fuq in-numru 7996 1003. Il-fondi kollha miġbura se jiġu ppreżentati waqt ix-xandira diretta ta’ L-Istrina fis-26 ta’ Diċembru.

F’isem it-tim ta’ Gwida.mt, nawguraw lil Luca kull suċċess f’din l-isfida. Ġest mill-isbaħ li bih qed iżomm ħajja l-memorja ta’ missieru filwaqt li jgħin lil familji oħra li għaddejjin minn żminijiet diffiċli!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI