Fit-22 ta' Novembru 2014, il-kantanta lokali Amber kisbet suċċess notevoli fil-karriera tagħha, wara li rebħet il-Malta Eurovision 2015 bil-kanzunetta Warrior.
Aħna tkellimna ma' Amber u hi qasmet magħna ħsieb dwar dak il-vjaġġ li għexet b'Warrior u kif għadha sal-lum għal qalb ħafna persuni.
"Waħda mill-isbaħ memorji li se nibqa’ ngħożż tul il-karriera mużikali tiegħi hija marbuta ma’ Warrior. Kienet u tibqa’ kanzunetta għal qalbi ħafna. Waħda mill-isbaħ affarijiet hi meta, wara dawn is-snin kollha, xi ħadd jgħidlek kemm jirrelata mal-kanzunetta. Għax proprju dan hu s-sabiħ tal-mużika: meta l-messaġġ jasal, imiss qalb xi ħadd u jsir parti mill-istorja tiegħu wkoll."
Amber tkompli, "Illum, meta nħares lura lejn dak kollu li esperjenzajt matul is-snin fil-karriera tiegħi, inħossni grata. Tgħallimt ħafna, għext esperjenzi li ffurmawni u, fuq kollox, tgħallimt napprezza dejjem aktar il-qawwa u s-sbuħija tal-mużika. Għax kanzunetta ma tibqax biss tiegħek meta tasal għand ħaddieħor. Issir parti minn qalbu wkoll."
12-il sena wara u hawn ħafna jgħidulek li Warrior hi waħda mill-kanzunetti ta' Malta l-aktar favoriti, jekk mhux l-iżjed waħda!
Amber baqgħet sal-lum il-ġurnata tniedi mużika ġdida li tant tinżel tajjeb mas-segwaċi kollha tagħha. Ħerqana biex naraw aktar x'ser tkun qed tagħtina fiż-żmien li ġej!
Facebook/ Amber