“Dan It-Torri Li Llum Imdawwar B’ristoranti, Blokok Ta’ Appartamenti U Traffiku, Xi Darba Kien …” – Kappa Vision

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Kappa Vision għal darb’ oħra qasmu informazzjoni interessanti dwar post f’Malta, din id-darba dwar it-Torri ta’ San Ġiljan.

Huma qalu, “Dan it-torri li llum imdawwar b’ristoranti, blokok ta’ appartamenti u traffiku, xi darba kien jagħmel parti mis-sistema tad-difiża militari kostali ta’ Malta.

Triq it-Torri fil-fatt ħadet isimha proprju minn dan it-torri. Meta Tas-Sliema kienet għadha fil-biċċa l-kbira tagħha kampanja, it-torri kien diġà wieqaf f’dan il-post, ferm qabel ma t-triq żviluppat fil-promenade mimlija ħajja li nafu llum.

It-torri, magħruf bħala t-Torri ta’ San Ġiljan, inbena fl-1658 fuq ordni tal-Gran Mastru Martin de Redin, bħala l-ħames wieħed minn katina ta’ 13-il torri tal-għassa mal-kosta. L-għan tiegħu kien li josserva bastimenti tal-għadu li setgħu kienu qed jersqu lejn il-kosta u jgħaddi twissijiet lit-torrijiet tal-madwar, biex id-difiża kostali tkun tista’ tirreaġixxi fil-ħin.

Bejn l-1715 u l-1716, inbniet batterija tal-artillerija b’forma ta’ nofs ċirku fuq in-naħa li tagħti għall-baħar, u b’hekk it-torri minn post tal-għassa nbidel f’pożizzjoni difensiva aktar b’saħħitha.

Ħaġa interessanti dwar dan it-torri ta’ żmien il-Kavallieri hi li fl-1798, waqt ir-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi, it-torri ħaduh f’idejhom l-insurġenti Maltin. Jingħad li wieħed mill-kanuni tal-batterija tneħħa minn postu u ttieħed mill-Maltin f’waħda mill-pożizzjonijiet tagħhom.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI