Kif nafu, Malta m’ilhiex li rat l-għaqda fiż-żwieġ ta’ żewġ kantanti lokali hekk kif jumejn ilu, Geo Debono ngħaqad fis-sagrament mas-Sinjura Debono l-ġdida, Deborah. It-tnejn li huma diġà kienu stabbiliti bħala dik il-koppja ħelwa mużikali li għandna, u din ir-reputazzjoni saħansitra ġiet imfissra bix-xieraq matul il-quddiesa tat-tieġ tagħhom, fejn l-għeżież għannew l-Ave Maria lil xulxin b’antiċipazzjoni li sa fl-aħħar isiru aktar minn għarajjes.
Fil-filmat, Geo jniedi l-bidu tal-quddiesa huwa u jkanta l-ewwel ftit vrus tal-kanzunetta, jistenna mal-ġemgħa mistednin il-wasla ta’ Deborah fil-knisja. Hija u dieħla, Deborah mbagħad tidher tissieħeb ma’ Geo fl-għanja hekk kif tasal biss ftit passi ‘l bogħod minn dak li ser ikun żewġha l-għażiż. Ta’ min jinnota daqstant it-tbissim għaddej fuq fomm il-mistednin u l-apprezzament tagħhom ta’ dan il-ġest ħlejju!
Il-koppja ilha magħrufa li tkanta bħala par, u jidher biċ-ċar li din il-ġurnata għażiża tal-issa miżżewġin ma kienet ebda eċċezzjoni. L-emozzjoni fil-filmat jinħass bil-kbir, u jidher li qed ifuru b’imħabba lejn xulxin.

Instagram / @geodebono
Mill-ġdid, aħna minn Gwida.mt nawgurawlkom mill-qalb għal ġejjieni flimkien mill-isbaħ!