Aħbar mill-isbaħ għall-Knisja Kattolika u għall-miljuni ta’ Nsara madwar id-dinja hekk kif il-Vatikan ikkonferma li l-Papa Ljun XIV m’għandux bżonn aktar trattament għall-kanċer, wara li l-aħħar testijiet mediċi wrew li l-marda kienet lokalizzata u tneħħiet b’suċċess permezz ta’ operazzjoni.
Il-Papa, li għandu 71 sena, kien għadda minn operazzjoni fit-13 ta’ Ottubru fl-Isptar Gemelli f’Ruma, wara li t-tobba skoprew tumur fil-pulmun tal-lemin tiegħu. Matul l-intervent, li dam madwar siegħa u nofs, tneħħiet il-parti t’isfel tal-pulmun affettwat.
Skont stqarrija maħruġa mill-Vatikan nhar l-Erbgħa 21 ta’ Ottubru, it-tobba Luigi Carbone u Stefano Margaritora kkonfermaw li r-riżultati finali tal-eżamijiet u l-analiżi tat-tessuti wrew li l-kanċer ma kienx infirex għal partijiet oħra tal-ġisem. Għaldaqstant, wara evalwazzjoni onkoloġika, ġie deċiż li l-Papa m’għandux bżonn aktar trattament.
Din l-aħbar pożittiva waslet ftit jiem biss wara li l-Papa ngħata l-permess joħroġ mill-isptar, nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru, u rritorna fil-Vatikan sabiex ikompli jirkupra u gradwalment jerġa’ jibda bl-impenji tiegħu. Il-Papa Ljun XIV kien ħabbar personalment li nstabet problema fil-pulmun tiegħu waqt it-talba tal-Angelus fil-11 ta’ Ottubru. L-aħbar kienet qanqlet tħassib fost il-fidili, li minnufih ingħaqdu fit-talb għas-saħħa tiegħu.
Issa, bir-riżultati pożittivi tal-aħħar testijiet, jidher li l-Papa jista’ jħares ’il quddiem b’aktar serħan il-moħħ. Fil-fatt, minkejja l-problemi ta’ saħħa li għadda minnhom, għadu ppjanat li x-xahar id-dieħel iżur diversi pajjiżi fl-Amerka t’Isfel. Bla dubju, din hija aħbar li se ġġib ferħ u tama fost il-fidili madwar id-dinja, li tul dawn l-aħħar jiem żammew lill-Papa fit-talb tagħhom.
Nawguraw lill-Papa Ljun XIV aktar saħħa u fejqan sħiħ!
Facebook / Pope Leo XIV