Aktar Minn 16,000 Vettura Mwaqqfa Waqt 720 Kontroll Tat-Traffiku Matul Is-Sajf

Pulizija ta' Malta

Aktar minn 16,000 vettura twaqqfu mill-Pulizija waqt madwar 720 kontroll tat-traffiku (road checks) li saru f’diversi toroq madwar Malta u Għawdex bejn Ġunju u Settembru li għadda.

Din il-ħidma, li twettqet minn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl, tifforma parti mill-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq, jiġu identifikati sewwieqa li jiksru r-regolamenti u jitnaqqsu r-riskji għal dawk kollha li jużaw it toroq.

Filwaqt li l-maġġoranza assoluta tas-sewwieqa nstabu konformi mar-regolamenti tat-traffiku, il-Pulizija ħarġet madwar 880 taħrika u 104 akkużi.

Saru wkoll 98 test fuq persuni suspettati li kienu qed isuqu taħt l-effett tad-droga jew tal-alkoħol, li minnhom 16-il persuna rriżultaw pożittivi għall-alkoħol.

Fost l-aktar kontravenzjonijiet komuni kien hemm is-sewqan mingħajr liċenzja u/jew polza tal assigurazzjoni, in-nuqqas ta’ użu taċ-ċintorin tas-sigurtà, l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, kif ukoll ksur ieħor tar-regolamenti tat-traffiku.

Il-kontrolli tat-traffiku se jkomplu fil-ġranet u x-xhur li ġejjin, filwaqt li l-Pulizija tappella lis sewwieqa kollha josservaw ir-regolamenti tat-traffiku u jsuqu b’responsabbiltà b’rispett lejn ħajjithom u l-ħajja ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI