“X’Vjaġġ Indimentikabbli!” – Beppe Caruana B’Messaġġ Mill-Qalb Wara L-JESC

Beppe Caruana

Beppe Caruana qasam messaġġ ta’ ringrazzjament u emozzjoni wara l-esperjenza tiegħu bħala rappreżentant ta’ Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2026 bil-kanzunetta Blue Bird.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, iż-żagħżugħ stqarr li għadu ma jistax jemmen li kellu l-opportunità jirrappreżenta lil pajjiżna f’dan il-festival prestiġjuż.

Hu ddeskriva l-aħħar ġimgħat bħala wħud mill-isbaħ ta’ ħajtu, hekk kif għamel ħbieb ġodda, iltaqa’ ma’ nies mill-isbaħ u ħoloq memorji li se jibqa’ jgħożż għal dejjem.

“X’avventura li ma ninsa qatt!” kiteb Beppe, filwaqt li rringrazzja lill-ġenituri u lill-familja tiegħu talli dejjem kienu maġenbu, emmnu fih u tawh l-appoġġ tagħhom f’kull pass ta’ din l-esperjenza.

Beppe rringrazzja wkoll lit-tim kollu wara Blue Bird għax-xogħol u d-dedikazzjoni tiegħu biex din il-ħolma ssir realtà. Huwa semma b’mod speċjali lil MATT BLXCK, Muxu u Matthew James, li ħadmu miegħu fuq il-ħolqien tal-kanzunetta.

Il-kantant żagħżugħ ma nesiex lil dawk kollha li vvutawlu, inkoraġġewh, bagħtulu messaġġi sbieħ u appoġġjawh matul din l-avventura.

Hu temm il-messaġġ tiegħu b’ringrazzjament lill-Junior Eurovision għal din l-esperjenza unika, li bla dubju se tibqa’ tifforma parti mill-isbaħ memorji tiegħu.

Ritratt:

Facebook/ Beppe Caruana

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI