Investiment ta’ aktar minn €2.1 miljun se jwassal għall-bini mill-ġdid tal-ġibjun f’Ta’ Mlit, il-Mosta, bil-għan li titnaqqas il-problema tal-għargħar fiż-żona u fl-istess waqt tinħoloq żona ġdida ta’ rikreazzjoni għall-familji u r-residenti.

Il-proġett se jitwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u jinkludi t-twaqqigħ tal-ġibjun eżistenti, li għandu diversi problemi strutturali, fosthom fis-saqaf tiegħu. Il-ġibjun il-ġdid se jitħaffer aktar fil-fond sabiex tiżdied b’mod sostanzjali l-kapaċità tiegħu.
Meta jitlesta, il-ġibjun se jkun jista’ jiġbor aktar minn erba’ miljun litru ilma. Dan l-ilma jkun jista’ jintuża għat-tisqija ta’ siġar u pjanti f’diversi nħawi, filwaqt li l-kapaċità akbar mistennija tgħin ukoll biex titnaqqas il-problema tal-għargħar fiż-żona.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, qalet, “Qed inwettqu proġett li jwieġeb direttament għal dak li għandhom bżonn ir-residenti ta’ din iż-żona: inqas għargħar, infrastruttura aktar b’saħħitha u spazju ġdid fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin flimkien.”

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Mosta, Joseph Gatt, qal li dan huwa proġett importanti għall-Mostin, hekk kif mhux biss se jindirizza problema li jiffaċċjaw ir-residenti, iżda se joħloq ukoll opportunità għal titjib ambjentali fiż-żona.
Ix-xogħlijiet fuq il-ġibjun huma mistennija li jdumu madwar 60 ġimgħa. Wara li jitlesta dan l-istadju, Project Green se jkompli bil-ħolqien ta’ ġnien fuq il-ġibjun, biex b’hekk iż-żona tingħata spazju pubbliku ġdid għar-rikreazzjoni.