Aktar Riħ Qabel Ma Jerġa’ Jiksaħ – X’Qed Nistennew Mit-Temp Fil-Jiem Li Ġejjin

Skont l-aħħar aġġornament maħruġ minn It-Temp Madwarna, ix-xejra instabbli li esperjenzajna fl-aħħar jiem mistennija tkompli, b’aktar riħ fil-bidu tal-ġimgħa u bidla lejn temp aktar kiesaħ lejn tmiemha.

Wara diversi jiem bir-riħ u anke xita, il-kundizzjonijiet se jibqgħu varjabbli, għalkemm mhux bl-istess frekwenza. Madankollu, riefnu ieħor mistenni jolqot il-Gżejjer Maltin nhar it-Tlieta 17 ta’ Frar, filwaqt li lejn tmiem il-ġimgħa hemm indikazzjonijiet ta’ arja aktar kiesħa, b’possibbiltà ta’ xita u anke silġ f’ċerti ħinijiet.

Fil-bidu tal-ġimgħa, nhar it-Tnejn 16 ta’ Frar, it-temp ikun ftit imsaħħab u jsir aktar imsaħħab b’xi raxxiet iżolati. It-Tlieta 17 ta’ Frar jibda b’xi ftit xita, iżda mbagħad isegwi riefnu qawwi li jiddomina l-ġurnata. L-Erbgħa 18 ta’ Frar mistennija tkun ġeneralment bnazzi, filwaqt li l-Ħamis 19 ta’ Frar jibqa’ relattivament sħun u bnazzi, għalkemm jista’ jiddaħħan matul il-ġurnata.



Il-Ġimgħa 20 ta’ Frar tibda bnazzi, iżda hemm ċans ta’ xita filgħaxija. Is-Sibt 21 ta’ Frar jista’ jġib miegħu xi ħalbiet tax-xita jew saħansitra silġ, hekk kif it-temperaturi jinżlu b’mod aktar evidenti. Il-Ħadd 22 ta’ Frar mistenni jkun xemxi iżda kiesaħ.



Fir-rigward tar-riħ, nhar it-Tnejn ikun ftit qawwi u jissaħħaħ għal qawwi sa qawwi ħafna mill-Punent Majjistru. It-Tlieta jġib miegħu riefnu li jista’ jilħaq forza 8 sa 9, qabel ma jonqos aktar tard filgħaxija. Matul il-bqija tal-ġimgħa r-riħ jibqa’ bejn moderat u ftit qawwi, u jdur minn direzzjonijiet differenti, fosthom Majjistral, Lbiċ u Grieg it-Tramuntana, filwaqt li l-Ħadd ikun aktar ħafif iżda kiesaħ mit-Tramuntana.

It-temperaturi massimi huma mistennija jogħlew minn medja ta’ 16°C għal madwar 19°C f’nofs il-ġimgħa, qabel jerġgħu jinżlu għal madwar 14°C sa tmiemha, għalkemm minħabba r-riħ, it-temperatura tinħass aktar baxxa. Il-minimi se jvarjaw bejn 8°C u 13°C, ukoll jinħassu inqas meta jkun hemm riħ qawwi. It-temperatura tal-baħar bħalissa tinsab madwar 16°C.

Kollox jindika li se jkollna ġimgħa oħra dinamika, b’kundizzjonijiet li jinbidlu minn ġurnata għall-oħra, u li jitlob attenzjoni partikolari speċjalment fil-jiem tar-riefnu u tat-tnaqqis fit-temperatura.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI