Il-programm televiżiv Saħħtek sellem kisba importanti ħafna tal-preżentatriċi tiegħu, Alexia Tabone, li proprju lbieraħ uffiċjalment saret tabiba. Permezz ta’ messaġġ li ġie ppubblikat fuq il-midja soċjali, it-tim tal-programm esprima l-ferħ u l-kburija tiegħu għal din il-mixja ta’ suċċess li wasslet lil Alexia biex tilħaq dan il-għan tant prestiġjuż.
“F’isem il-programm Saħħtek, nixtiequ nawguraw lill-preżentatriċi tal-programm, Alexia Tabone, li proprju llum saret tabiba. Prosit mill-qalb għal din il-kisba tant importanti u l-isbaħ awguri għall-futur. Ninsabu ċerti li se tkompli tagħmel ġid kbir fil-professjoni tiegħek!” kiteb it-tim tal-programm.
Alexia ilha wiċċ magħruf fuq l-iskrins Maltin permezz tal-programm Saħħtek, fejn flimkien mat-tim tagħha tgħin biex tqajjem aktar għarfien dwar diversi suġġetti relatati mas-saħħa u l-benesseri.
Din il-kisba timmarka pass ġdid u sinifikanti fil-karriera tagħha, wara snin ta’ studju, dedikazzjoni u impenn kontinwu. Bla dubju, il-kwalifiki tagħha se jkomplu jsaħħu l-kontribut li tagħti kemm fil-qasam mediku kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar is-saħħa.
Minn naħa tagħna, ningħaqdu mal-awguri u nifirħu lil Alexia Tabone għal dan is-suċċess, filwaqt li nawgurawlha kull ġid fil-karriera tagħha bħala tabiba.
Facebook / Saħħtek