Bil-Filmat: “Naf Xi Jfisser Li Tkun Iġġudikat U Eskluż” – Johan Mifsud Jispjega Għaliex Mhux Se Jibqa’ Sieket

Johan Mifsud reġa’ fetaħ qalbu fuq il-midja soċjali fejn tkellem dwar l-esperjenzi personali tiegħu ta’ ġudizzju, esklużjoni u tbatija emozzjonali, filwaqt li spjega għaliex iħoss il-bżonn li jibqa’ jitkellem dwar dawn is-suġġetti.

F’messaġġ emozzjonanti bit-titlu “Because Silence Hurts”, Johan ammetta li jaf li ilu jitkellem ħafna dwar dawn il-kwistjonijiet fl-aħħar xhur, iżda sostna li għandu raġuni valida għaliex jagħmel dan. “Naf xi jfisser li tkun iġġudikat, eskluż, imwaqqa’ għaċ-ċajt u trattat bħallikieku min int huwa ħażin. Naf xi jfisser li ġġorr feriti li ħaddieħor ma jarax,” kiteb Johan.



Huwa żied li ħafna mill-persuni li kkawżawlu dawn il-feriti probabbilment qatt ma se jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li enfasizza li ħadd ma jista’ jagħtih lura s-snin, l-uġigħ u l-ġlidiet li kellu jgħaddi minnhom.



Proprju għalhekk, Johan qal li ma jistax jibqa’ sieket. “Għandi pjattaforma u għandi vuċi. Jekk billi nużahom ngħin anke persuna waħda tħossha inqas waħedha, aktar aċċettata jew aktar mifhuma, allura kull video jkun jiswa,” stqarr.

Il-kantant temm il-messaġġ tiegħu b’appell favur aktar empatija u fehim fis-soċjetà. Filwaqt li sostna li l-passat ma jistax jinbidel, huwa qal li kulħadd jista’ jagħti sehmu biex jinħoloq futur aħjar.

“Ma nistgħux nibdlu l-passat, iżda nistgħu ngħinu biex noħolqu futur fejn inqas nies ikollhom jgħaddu mill-istess esperjenzi,” temm jgħid. Il-messaġġ ta’ Johan ġab miegħu ħafna kummenti ta’ appoġġ minn segwaċi li faħħru l-kuraġġ tiegħu li jitkellem b’mod miftuħ dwar suġġetti li ħafna drabi jibqgħu misturin.

X’taħsbu dwar dan il-messaġġ ta’ Johan?



Ritratti:

Facebook / Johan Mifsud

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI