Il-GuateMalta Foundation għadha kif ħalliet appell fuq il-mezzi soċjali tagħha. Huma jeħtieġu kull għajnuna possibbli minħabba l-ħerba tal-virus, kif ukoll ta’ urugan li għadu kif ħakem fuq il-post li ħalla warajh diżastru sħiħ.
Fuq il-paġna tagħhom, huma kitbu: “Bonġu ħbieb – bħalma forsi tafu, bħalissa ġol-Gwatemala għaddejjin minn mumenti mhux tant sbieħ. Apparti l-effett kbir li qed iħalli l-Coronavirus fuqna, issa ntlaqatna minn urugan b’saħħtu ħafna li ħalla ħafna minn niesna bla djar, u anke bla ħajja, kif tistgħu taraw fir-ritratti t’hawn taħt!”
Huma jkompli jgħidu, “Nafu u napprezzaw immens li għandna sapport qawwi minn Malta u anke minn pajjiżi oħrajn, u b’umiltà nixtiequ nitolbukom għal ftit għajnuna milli tistgħu sabiex niġbru ftit fondi għal niesna li qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna diffikultajiet! Għal dawk li jixtiequ joffru donazzjonijiet, sibu d-dettalji hawn taħt biex tagħmlu trasferiment bankarju.”
Jagħlqu l-messaġġ tagħhom mill-qalb, “Grazzi u l-Mulej iberikkom. Żommuna fit-talb tagħkom!”