Ħareġ appell urġenti sabiex persuni bid-demm tat-tip ‘O’ Positive jersqu biex jagħtu d-demm, hekk kif hemm bżonn immedjat biex jiġu evitati tħassir ta’ operazzjonijiet u sabiex ikomplu jingħataw trattamenti importanti tal-onkoloġija.
Fi stqarrija maħruġa mis-servizzi tal-għoti tad-demm, il-pubbliku ġie mħeġġeġ jagħti d-demm illum stess sabiex il-ħażna tad-demm tibqa’ biżżejjed għall-pazjenti li għandhom bżonnu b’urġenza.
Iċ-ċentru tal-għoti tad-demm qed ikun miftuħ bejn it-8:00 u s-18:00, filwaqt li qed jiġi offrut ukoll trasport b’xejn permezz ta’ Bolt għal dawk li għandhom diffikultà biex jaslu sal-post.
Persuni interessati jistgħu jċemplu fuq 2206 6201 biex jibbukkjaw it-trasport jew biex jiksbu aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-għoti tad-demm. Ġie mfakkar ukoll li kull min jersaq biex jagħti d-demm għandu jġib miegħu l-karta tal-identità.
Minbarra dan, wieħed jista’ wkoll iċempel 7930 7307 jew 2206 6201 għal kwalunkwe mistoqsija jew diffikultà relatata mal-għoti tad-demm. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ blood.gov.mt kif ukoll fuq il-paġni uffiċjali ta’ Blood Donation Malta fuq Facebook u Blood Donation Malta fuq Instagram.
L-awtoritajiet appellaw lill-pubbliku biex jagħmel dan il-ġest sempliċi li jista’ jsalva l-ħajja ta’ ħafna pazjenti li bħalissa qed jistennew trasfużjoni jew trattament mediku essenzjali.