Wara r-rebħa tagħha fil-Eurovision Song Contest, il-kantanta DARA kompliet tikseb suċċess internazzjonali hekk kif il-kanzunetta tagħha Bangaranga daħlet fil-lista prestiġjuża ta’ Spotify Top 50 Global.
Il-kanzunetta rnexxielha tilħaq it-12-il post globalment, kisba impressjonanti li turi kemm il-hit tal-Eurovision qed tintlaqa’ tajjeb madwar id-dinja. Bangaranga mal-ewwel saret fenomenu viral fuq il-midja soċjali u fuq il-pjattaformi tal-istreaming, b’ħafna jfaħħru l-enerġija tagħha u r-ritmu mill-ewwel ftit noti.
Is-suċċess tal-kanzunetta qed jispikka aktar meta wieħed iqis li bħalissa hemm kompetizzjoni qawwija fuq il-klassifiki internazzjonali. DARA rrappreżentat lill-Bulgaria waqt il-Eurovision u rnexxielha tirbaħ il-kompetizzjoni b’wirja li baqgħet tissemma ħafna wara s-serata finali.
Għalkemm kienet diġà popolari f’ċerti swieq mużikali, ir-rebħa fil-Eurovision fetħitilha bibien ġodda u wasslitha quddiem udjenza globali ferm akbar. Bosta fans tal-Eurovision qed iqisu Bangaranga bħala waħda mill-aktar rebbieħa memorabbli fl-aħħar snin, filwaqt li oħrajn qed ibassru li l-kanzunetta se tkompli titla’ aktar fil-klassifiki internazzjonali fil-ġimgħat li ġejjin.
Facebook / DARA