Il-paġna tal-Facebook tad-Dipartiment tal-Informazzjoni qed taqsam avviż mill-Awtorità Għas-Sigurtà tal-Ikel minħabba xi traċċi ta’ tossina f’prodotti tal-ikel tat-trabi. Il-prodotti tal-Aptamil Pronutra u Bebelac 1 m’għandhomx jiġu kkunsmati.
“Il-possibbiltà tal-preżenza ta’ ‘cereulide’ (tossina) tagħmel dawn il-prodotti mhux sikuri biex jiġu kkunsmati,” huma kitbu. “‘Cereulide’ hija tossina prodotta minn tipi ta’ ‘Bacillus cereus’. ‘Cereulide’ hija reżistenti ħafna għas-sħana, li jfisser li x’aktarx ma tiġix diżattivata jew meqruda bit-tisjir, bl-użu ta’ ilma jagħli jew waqt il-preparazzjoni tal-ħalib tat-trabi.”
“Jekk tiġi kkunsmata, tista’ twassal malajr għal sintomi ta’ avvelenament mill-ikel. Is-sintomi kkawżati minn din it-tossina jistgħu jinkludu dardir, rimettar u uġigħ ta’ żaqq. L-Awtorità qed tinforma lill-pubbliku wkoll, li wara li rċeviet informazzjoni mingħand l-operatur involut, il-prodotti msemmija m’għandhomx jiġu kkunsmati minħabba li jista’ jkun fihom traċċi ta’ ‘cereulide toxin’.
Il-konsumatur m’għandux jikkonsma dawn il-prodotti u huwa mitlub jew jarmi l-prodott indikat jew jirritornah lura minn fejn xtrah.”
“Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lill-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel fuq in-numru tat-telefon +356 26025211 mis-7:30 a.m. sas-2:30 p.m. jew jibgħat email fuq info.fssa@gov.mt.”
Facebook / Dipartiment tal-Informazzjoni