Hawn ħafna għalliema ddedikati għal xogħolhom, hawn oħrajn li jagħmlu ħiliethom biex l-esperjenza tal-istudenti tul is-sena skolastika tkun waħda speċjali u imprezzabbli. Meta jkun hemm relazzjoni speċjali, l-istudent jaħdem aktar għal qalbu u fl-istess waqt l-għalliema jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jaraw l-istudenti kuntenti u jassiguraw li lkoll jaħdmu mill-qalb.
Wara ħames snin, ir-rabta ċertament tkun waħda b’saħħitha u ma jkun faċli xejn biex l-għalliema jsellmu lil dawn l-istudenti, imma jafu li huma għenuhom f’dan il-vjaġġ u lkoll għandhom futur sabiħ quddiemhom jistenniehom. Biex jiċċelebraw dan it-tmiem, ħafna skejjel jorganizzaw festin fejn għall-aħħar darba l-istudenti jiddevertu flimkien.
Fil-kulleġġ San Injazju Skola Sekondarja Ħandaq dan deher evidenti minn filmat li beda jdur fuq il-midja soċjali, hekk kif l-għalliema ppreparaw sorpriża ferm speċjali għall-istudenti tagħhom. Gwida.mt tkellem ma’ Cliff Casha, għalliem f’dan il-kulleġġ. Cliff qalilna li kollox beda minn kumment ta’ għalliem. Fi ħdan l-iskola wieħed mill-għalliema famuż għal kanzunetti rap u l-istudenti l-hena tagħhom jisimgħuh u jiżfnu mar-ritmu tal-beats tiegħu.
Is-sur Grima ħareġ b’din l-idea u fi kliem l-għalliem stess, l-idea warajha kienet “biex nagħtu tislima denja u xierqa lill-istudenti tal-ħames sena li huma tant għeżież għalina.” Ir-rap inkiteb mis-Sur Grima, filwaqt li r-ritornell inkiteb mill-istess Cliff Cascha li hu awtur ta’ numru ta’ kanzunetti Maltin. Il-kantant Roger Tirazona, għalliem f’dan il-kulleġġ ħa ħsieb l-irrekordjar.
Cliff jgħidilna “għalina kollha, taqta’ lis-Sur Grima, din kienet se tkun l-ewwel darba li konna se ninterpretaw kanzunetta rap. Wara ħafna preparamenti, din os-serata għaddiet b’wiċċ il-ġid u jidher li l-istudenti ħadu ħafna gost bis-sorpriża u bil-kanzunetta L-Aħħar Lezzjoni. Kien hemm ukoll xi wħud li saħansitra emozzjonaw ruħhom huma u jisimgħu l-lirika.”
Dan l-avveniment sar ġewwa Giardini Lambrosa fir-Rabat, primarjament bl-għajnuna tal-istudenti u Sur Clayton Brincat. Il-parteċipanti f’dan kollu kienu s-sinjuri Rachel St John, Angel Shaikh, Amanda Farrugia Cauchi, Mary Jo Caruana, Clayton Brincat, Roger Tirazona, Cliff Casha u Christopher Grima. Prosit tassew, naħseb għandna bżonn aktar u aktar għalliema bħalkom.
Instagram / Sheriden Balzan