Bħal-Lum 92 Sena Ilu L-Ilsien Malti Ġie Ddikjarat Bħala Lingwa Uffiċjali F’Pajjiżna

Proprju bħal-lum 92 sena ilu, snin ta' ħidma minn diversi kittieba u poeti Maltin sabiex il-lingwa Maltija ma tibqax biss lingwa tat-triq, iżda tikber u tiżviluppa lil hinn minn hekk, laħqu l-qofol tagħhom hekk kif l-ilsien Malti ġie ddikjarat bħala lingwa uffiċjali f'pajjiżna.

Din id-deċiżjoni ttieħdet fi żmien meta pajjiżna kien kolonja tal-Imperu Brittaniku u kien għaddej ġmielu l-kunflitt lingwistiku bejn it-Taljan u l-Ingliż. Min-naħa tagħhom, l-Ingliżi xtaqu li l-lingwa tagħhom issir dominanti f'pajjiżna, iżda din id-dominanza kienet għadha qed tiġi mxekkla mill-pożizzjoni b'saħħitha li kellha l-lingwa Taljana, li għal sekli sħaħ kienet il-lingwa tal-amministrazzjoni u tal-edukazzjoni f'pajjiżna.

Sadanittant, il-lingwa Maltija, minkejja li kienet il-lingwa mitkellma mill-maġġoranza tal-poplu, kienet għadha nieqsa ferm mir-rikonoxximent u l-prestiġju li kellhom it-Taljan u l-Ingliż. Kien għalhekk li fl-1920, grupp ta' kittieba u poeti Maltin ingħaqdu flimkien u ffurmaw l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Din l-għaqda, li fost il-membri tagħha kellha lil Dun Karm Psaila, ħadmet qatigħ sabiex il-Malti jiżviluppa bħala lingwa letterarja u standardizzata.

Bis-saħħa ta' din il-ħidma, flimkien ma' fatturi politiċi u soċjali oħra, proprju fis-16 t'Awwissu tal-1934, il-Malti ġie rikonoxxut bħala waħda mil-lingwi uffiċjali ta' Malta. Għall-Ingliżi, ir-rikonoxximent tal-Malti kien jaqdi wkoll l-interess tagħhom li jxekklu d-dominanza tal-ilsien Taljan f'Malta.

Ir-rikonoxximent tal-Malti bħala lingwa uffiċjali kien, għalhekk, pass storiku enormi. Dan fisser li l-ilsien tal-poplu Malti ma baqax biss ilsien mitkellem fid-djar u fit-toroq, iżda kiseb post fil-ħajja uffiċjali u fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, inkluż fil-qasam ġuddizjarju. Fuq kollox, kien rikonoxximent li l-Malti kien ilsien sħiħ, kapaċi jiġi miktub, standardizzat, studjat u użat fil-ħajja pubblika - u mhux sempliċiment mezz ta' komunikazzjoni tan-nies tat-triq.

Ritratti:

Pexels

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI