“Bħal-Lum Fl-1967 Miet Franġisku Saverju Mercieca, Magħruf Aħjar Bħala Frenċ Tal-Għarb.” – Roberto Aloiso

Roberto Aloiso fuq il-mezzi soċjali tiegħu jfakkar lil Frenċ tal-Għarba. Hu jikteb li Franġisku Saverju Mercieca, magħruf mal-Għawdxin u l-Maltin bħala Frenċ tal-Għarb, jibqa’ wieħed mill-aktar persuni popolari u mistiċi fl-istorja reliġjuża ta’ Għawdex. Bħal-lum fl-1967, miet dan ir-raġel sempliċi iżda straordinarju li għal ħafna kien sinonimu mal-fidi, il-fejqan u l-karità lejn il-proxxmu.

Imwieled fl-1892, Frenċ kien jgħix ħajja umli ta’ bidwi fil-Għarb. Iżda wara ġurnata twila jaħdem fir-raba’, kien isib numru ta’ nies jistennewh fir-remissa tiegħu biex ifittxu parir, faraġ jew kura. Spiss kien iqatta’ sigħat twal sal-bidu tal-għodu jilqa’ lil min kien imur għandu, b’paċenzja u dedikazzjoni kbira.



Ma kienx tabib jew spiżjar, iżda kellu għarfien partikulari tal-ħxejjex mediċinali u kien juża taħlitiet naturali biex jgħin lil min kien ibati minn diversi mardiet. Maż-żmien, il-fama tiegħu ta’ bniedem qaddis u fejjieq infirxet sew, tant li ħafna kienu jqisuh bħala persuna b’don speċjali.



Frenċ kellu wkoll rabta spiritwali qawwija ma’ San Ġorġ Preca. It-tnejn kienu jafu u jirrispettaw lil xulxin ferm. Tirrakkonta tradizzjoni li darba, waqt żjara ta’ Frenċ Malta, Dun Ġorġ talbu jakkumpanjah iżur xi persuni morda, u t-tnejn dehru mexjin id f’id fit-toroq, xbieha li għal ħafna tibqa’ simbolu ta’ umiltà u qdusija.

Waħda mill-ikbar xewqat ta’ Frenċ kienet marbuta mas-santwarju tant għażiż tal-Madonna ta’ Pinu. Hu xtaq li l-Għolja tal-Għammar, quddiem il-knisja ta’ Pinu, tkun imżejna bl-erbatax-il stazzjon tas-salib. Din ix-xewqa finalment twettqet, u llum il-post sar wieħed mill-aktar ċentri ta’ pellegrinaġġ f’Għawdex, miżjur minn eluf ta’ nies kull sena.

Aktar minn nofs seklu wara mewtu, Frenċ tal-Għarb għadu mfakkar bħala figura li għaqqdet il-fidi mal-għajnuna konkreta lejn il-batut. Għal ħafna, il-memorja tiegħu tibqa’ marbuta ma’ żmien meta kelma tajba, talba u ftit ħxejjex kienu biżżejjed biex inisslu tama fil-qlub tan-nies.



Ritratti:

Facebook / French Tal-Gharb

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI