Il-kantant żagħżugħ Drakard għadu kif xerred interpretazzjoni ta’ kanzunetta li teħodna lura fl-1975. Kanzunetta b’sens tradizzjonali għall-aħħar li hi maħbuba minn bosta.
Fil-fatt f’xi kummenti tiegħu, Drakard jammetti li jara lill-artist oriġinali tal- kanzunetta Il-Pjazza Tar-Raħal, Enzo Gusman, bħala wieħed mill-aqwa kantawturi f’pajjiżna. Kienet waħda mir-raġunijiet għaliex għażel li jagħmel din l-interpretazzjoni mill-isbaħ tal-kanzunetta. Drakard huwa wieħed minn dawk il-kantanti li jgħożż l-ilsien Malti u żgur li kien ta’ pjaċir għalih li jkanta din il-kanzunetta.
“Jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqha inħoss li kanzunetta bħal din tagħti kontribut lill-kanzunetta Maltija, għax ġejja minn żmien li l-kanzunetti jirriflettu l-identità awtentika Maltija” jgħid Drakard.
Din il-kanzunetta kienet ir-rebbieħa f’konkors internazzjonali wara li kkompetiet ma’ bosta pajjiżi oħra. Ġabitilkhom xejn memorji? U x’taħsbu minn din l-interpretazzjoni żagħżugħa?