Il-Gvern Malti qed iwettaq l-aħħar arranġamenti biex iġib lura lejn Malta lill-Maltin li bħalissa jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda u li esprimew ix-xewqa li jirritornaw pajjiżhom. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, li spjega kif il-Gvern qed jaħdem biex jiffaċilita dan il-proċess filwaqt li jiżgura li l-familji milquta ma jkollhomx iġorru l-ispiża tal-vjaġġ.
Il-Prim Ministru qal li l-ispejjeż tat-titjira li se ġġib lura lill-Maltin se jintrefgħu kompletament mill-Gvern Malti. Huwa rringrazzja wkoll lil Ian Borg, kif ukoll lis-Segretarju Permanenti tiegħu Christopher Cutajar u lill-ħaddiema kollha fi ħdan il-Ministeru għall-ħidma tagħhom f’dan il-mument sensittiv, fejn kienu ta’ appoġġ kontinwu biex tinstab soluzzjoni għal dawk affettwati.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qal li ġie kkonfermat is-servizz ta’ kumpanija tal-ajru li se tgħin biex il-maġġoranza l-kbira tal-Maltin li nqabdu fl-Emirati Għarab Magħquda u jixtiequ jitilqu, ikunu jistgħu jirritornaw lejn Malta.
Huwa spjega li jekk kollox jimxi skont il-pjan u jkun hemm ċertezza li l-vjaġġ jista’ jsir b’mod sigur, it-titjira mistennija titlaq fil-jiem li ġejjin mill-ajruport ta’ Dubai International Airport. L-Ambaxxata Maltija se tkun qed tikkomunika direttament ma’ dawk il-persuni li talbu l-għajnuna sabiex jingħataw aktar dettalji dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar.
Dr Borg irringrazzja wkoll lill-kollegi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu f’Malta, kif ukoll lill-uffiċjali fl-ambaxxati u l-konsolati Maltin fil-pajjiżi tal-Golf u tal-Lvant Nofsani, li bħalissa qed jaħdmu biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-Maltin li jinsabu f’dawn ir-reġjuni.