Jais kienet il-mistiedna speċjali fuq Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida, fejn f’konversazzjoni sinċiera fetħet qalbha dwar il-familja tagħha, it-tfulija u l-vjaġġ li wassalha biex tibni l-karriera tagħha.
Matul il-podcast, Jais titkellem dwar kif trabbiet u l-valuri li sawruha minn età żgħira u kif dejjem sensittiva għal dawk ta' madwarha, li tkun hemm għalihom f'kull pass. Hija tispjega kif dejjem emmnet fil-ħidma, il-perseveranza u d-determinazzjoni biex timxi ’l quddiem fil-ħajja, filwaqt li qatt ma beżgħet taħdem bis-sħiħ biex tilħaq il-miri tagħha.
Tirrakkonta wkoll kif il-kreattività dejjem kienet parti importanti minn ħajjitha. Din il-passjoni wasslitha biex, snin ilu, saret l-ewwel Brand Ambassador ta’ Miss Selfridge f’Malta – opportunità li fetħitilha bibien ġodda u tat spinta importanti lill-karriera tagħha, li minn hemm ’il quddiem kompliet tikber b’mod kostanti.
Matul il-konversazzjoni, Jais taqsam ukoll il-lezzjonijiet li tgħallmet tul il-vjaġġ tagħha, filwaqt li tħeġġeġ lil dawk li għandhom ħolm jew ambizzjonijiet biex ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu jaħdmu għal dak li jemmnu fih.
Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida jkompli jġib stejjer awtentiċi u konversazzjonijiet profondi ma’ personalitajiet magħrufa, fejn il-pubbliku jkollu l-opportunità jiskopri naħa aktar personali u umana tal-mistednin.