Il-Membru Parlamentari Ewropew Thomas Bajada qasam messaġġ qawwi dwar l-importanza tal-ilma u l-ħtieġa li nħarsuh bħala riżorsa prezzjuża li ħafna drabi nieħdu for granted.
Fil-kitba tiegħu, Bajada rrefera għal “dinja oħra moħbija” li ngħaddu minn fuqha kuljum, referenza ċara għall-ilma maħżun taħt l-art u s-sistemi ta’ ħażna li għal snin twal kienu pedament tas-sigurtà tal-pajjiż.
Huwa sejjaħ lill-ilma “l-aktar riżorsa sottovalutata”, u wissa li kull qatra ilma maħżuna tfisser sigurtà għalina u għal uliedna. Madankollu, enfasizza li din is-sigurtà mhux dejjem kienet garantita, u lanqas mhi xi ħaġa li nistgħu nieħduha bħala ċerta.
“Jekk illum ma niħdux ħsieb l-ilma, għada jista’ ma jkunx hemm x’naħżnu,” kiteb Bajada, f’appell ċar għal aktar għarfien u responsabbiltà kollettiva.
Il-messaġġ tiegħu jpoġġi enfasi fuq il-ħtieġa ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma, speċjalment f’pajjiż bħal Malta fejn ir-riżorsi naturali huma limitati u d-dipendenza fuq sistemi ta’ ħażna u produzzjoni tal-ilma hija kruċjali.
Bajada temm billi fakkar li “kull qatra tgħodd”, u li r-responsabbiltà biex nipproteġu din ir-riżorsa hija ta’ kulħadd, mhux biss tal-awtoritajiet, iżda tas-soċjetà kollha.
Facebook / Thomas Bajada