Lydia Abela tagħti perspettiva sinċiera u umana dwar l-irwol tal-omm waqt dehra tagħha fuq Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida, fejn tmiss suġġett li jolqot lil ħafna familji.
“Li jixtiequ mingħandna li nissapportjawhom f’dak li jixtiequ huma,” tgħid Lydia, hekk kif tirrifletti fuq kif kull ġenitur għandu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tiegħu għal uliedu, iżda fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti li wieħed jisma’, jifhem u jappoġġja t-triq li jagħżlu huma stess.
F’din il-konversazzjoni, Lydia titkellem dwar kif ir-rwol ta’ omm jinvolvi bilanċ delikat bejn gwida u libertà, li tagħti valuri sodi lil uliedek, iżda fl-istess ħin tħallihom jikbru u jiskopru lilhom infushom. Hija tenfasizza li s-suċċess ma jfissirx dejjem li t-tfal jimxu fit-triq li jkun jixtieq il-ġenitur, iżda li jsibu dak li jagħmilhom kuntenti u sodisfatti.
Lydia taqsam ukoll kemm il-valuri li tgħallmet minn ommha stess kienu fundamentali biex tifforma l-mod kif tara l-parenting illum. Skont hi, dawn il-valuri huma l-bażi li fuqhom wieħed jista’ jibni relazzjoni b’saħħitha u ta’ fiduċja mat-tfal.
B’mod ġenerali, il-messaġġ tagħha huwa wieħed ċar: il-preżenza u s-sapport tal-ġenituri huma essenzjali, anke meta t-triq magħżula mit-tfal tkun differenti minn dik li wieħed kien jimmaġina. Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida għada se jkun wieħed interessanti fejn se tiskopru aktar dwar Dr. Lydia Abela fl-irwol ta’ omm.