Ta’ 28 sena sab ruħu jaffaċja dik li sal-lum għadha titqies bħala waħda mill-agħar traġedji tal-baħar iżda b’xorti tajba rnexxielu jsalva. Allen Marden Baggott kien abbord il-bastiment RMS Titanic fl-ewwel vjaġġ tiegħu li kellu jkun ukoll l-aħħar wieħed.
Snin wara t-traġedja hu kien tilef ħajtu proprju f’pajjiżna u dan l-aħħar, eżattament 105 sena wara mewtu, saritlu lapida ħdejn fejn hu midfun hekk kif ġie osservat li ma kellux waħda.
Is-sit Times of Malta rrakkonta l-istorja ta’ Allen li kien abbord it-Titanic bħala membru tal-ekwipaġġ bir-responsabbiltà tiegħu kienet dik li jieħu ħsieb il-passiġġieri li kienu first-class.
Allen irnexxielu joħroġ qawwi u sħiħ mit-traġedja tat-Titanic għaliex b’xorti tajba kien fost l-ewwel li tela’ fuq dgħajsa tas-selvataġġ wara li n-nisa u t-trabi kollha kienu diġà ttellgħu.
Minkejja li kien proprju fil-baħar fejn kważi tilef ħajtu, Allen xorta waħda baqa’ jaħdem fih wara t-traġedja tat-Titanic tant li fil-fatt ftit wara beda jaħdem f’bastiment li kien iġib l-isem ta’ RFA Perthshire.
Ġara li darba minnhom, meta dan il-bastiment kien ankrat fil-Port il-Kbir, Allen sofra minn attakk ta’ puplesija. Minnufih b’urġenza kien ittieħed fi sptar f’pajjiżna iżda kien tard wisq għaliex laħaq tilef ħajtu. Għal din ir-raġuni hu kien indifen f’pajjiżna.
105 sena wara mewtu, il-moħħ wara Dark Malta Tours ħa l-inizjattiva li jagħmillu lapida wara li ntebaħ li ma kienx hemm waħda fil-post fejn kien midfun. Hu stqarr li seta’ jagħmel dan bis-saħħa wkoll ta’ James Borg li offra li jħallas nofs l-ispejjeż.
Facebook / Malta Dark Tours