Storja emozzjonanti ferm fuq il-paġna Saħħa fl-okkażjoni tal-Jum tad-Donazzjoni tal-Organi, hekk kif Stefan u Lucienne tkellmu dwar kif id-deċiżjoni li jagħtu l-organi ta’ binthom taw tama u ċans ġdid ta’ ħajja lil persuni oħra. Il-ġenituri spjegaw li madwar sena ilu tilfu lil binthom. F’mument ta’ niket kbir, id-donazzjoni tal-organi tagħha wasslu biex żewġ pazjenti Maltin setgħu jibbenefikaw u jingħataw opportunità għal ħajja aħjar.
Madwar tliet xhur wara, Stefan u Lucienne rċevew ittra mingħand waħda mill-persuni li kienet irċeviet organu mingħand binthom. Mument li żgur kellu sinifikat kbir għal żewġ ġenituri li kienu għaddejjin minn telfa daqstant kbira. Huma spjegaw li minkejja n-niket li ġabet magħha l-mewt ta’ binthom, jinsabu kuntenti li permezz tad-donazzjoni setgħu jagħmlu l-ħajja ta’ persuni oħra aħjar u, fuq kollox, jagħtuhom ċans biex ikomplu jgħixu.
L-istorja ta’ Stefan u Lucienne twassal messaġġ qawwi dwar kemm id-donazzjoni tal-organi tista’ tagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuna u tal-familja tagħha. Illum, fil-Jum tad-Donazzjoni tal-Organi, Saħħa qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkunsidra li jirreġistra bħala donatur tal-organi.
Agħfas HAWN biex tagħmel dan.
Facebook / Saħħa