Ħal Għaxaq Lest Għal The Convoy – Spettaklu Ta’ Nar Li Se Jkun Ikbar Minn Qatt Qabel

Lejlet il-Festa Titulari ta’ Santa Marija, Ħal Għaxaq se jerġa’ jkun imżejjen bid-dawl u l-kuluri tan-nar hekk kif l-Għaqda tan-Nar Santa Marija se tippreżenta The Convoy. L-ispettaklu pirotekniku se jsir fl-14 ta’ Awwissu u jibda fid-21:30.

Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin se tkun Rise of the Tower, li qed jirritorna għat-tieni sena konsekuttiva, iżda din id-darba f’format ferm akbar. Wara li s-sena li għaddiet it-torri laħaq għoli ta’ 32 metru, din is-sena se jitla’ għal 45 metru. It-torri se jkun armat b’aktar minn 3,500 fjamma u numru ta’ prints differenti li se joħolqu diversi disinni u effetti. Ma’ dawn se jiżdiedu madwar 650 tir ta’ nar ta’ diversi tipi, fosthom qsim tal-kulur, beraq u blalen.

The Convoy se jkun maqsum fi tliet fażijiet. L-ewwel parti se tagħti spazju lin-nar tradizzjonali Malti, b’murtali tal-kulur, beraq, sfejjer u blalen li se jiftħu dan l-ispettaklu. Fit-tieni fażi, il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi x-Xow Piromużikali, fejn il-mużika se tingħaqad ma’ varjetà ta’ murtali tal-ajru u mal-effetti ta’ Rise of the Tower. Triq il-Ġistakor mistennija toffri waħda mill-aħjar veduti biex wieħed isegwi din il-parti tal-ispettaklu.

Il-qofol finali jasal fi Triq il-Belt Valletta, fejn tittella’ wirja spettakolari ta’ nar tal-art. Għal din is-sena tħejjew sitt xogħlijiet ġodda, fosthom Universal bil-kuruni li tagħmel l-effett bid-delijiet. Żewġ xogħlijiet oħra ġew imtejba u żviluppati, filwaqt li wieħed mix-xogħlijiet il-ġodda se jinkludi wkoll mekkaniżmu innovattiv. B’torri ta’ 45 metru, aktar minn 3,500 fjamma, mijiet ta’ tiri u diversi xogħlijiet ġodda tan-nar tal-art, l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ The Convoy mistennija tkun l-akbar spettaklu pirotekniku li qatt ġie mtella’ f’Ħal Għaxaq.

Dawk li jixtiequ jsegwu l-ewwel żewġ fażijiet jistgħu jagħmlu dan minn Triq il-Ġistakor, filwaqt li għall-wirja finali tan-nar tal-art il-pubbliku jista’ jinġabar fi Triq il-Belt Valletta.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI