Kien meqjuż bħala l-aktar programm segwit filgħodu, kont tistennieh b’ħerqa liema bħala biex tara l-istejjer, kien dam għaddej għal 7 snin sħaħ! Dan hu ‘Tista’ Tkun Int’, programm mmexxi minn Rachel Vella. Rachel kienet mistiedna fuq il-programm ‘Wirt u Eredi’ fejn tkellmet fuq in-negozju tagħha u tal-familja, fosthom il-programm ‘Tista’ Tkun Int”.
Iżda tajjeb li tkun taf li Rachel qabel dan il-programm kienet tagħmel xi ħaġa żgħira s-Sibt waranofsinhar fejn kienet titkellem fuq il-vjaġġar u tipromovi l-kumpanija tagħha. Wara sentejn tagħmel din is-slot, ċemplulha l-board tal-PBS u offrewlha spazzju tagħha l-Ħadd filgħodu. Dak iż-żmien il-Ħadd filgħodu kien ħin mejjet u ħadd ma kien jara t-televiżjoni Malti.
Kien missier Rachel li ħareġ bl-idea ta’ ‘Tista’ Tkun Int’ għax il-mama’ tiegħu li kienet tgħix l-Awstralja kien joġgħobha programm simili li kienu jlaqqgħu familji flimkien. Minn hemm Rachel u l-familja tagħha bdew jaħdmu għall-programm. Bdew joħorġu reklami li tista’ tirbaħ karozza ta’ Lm11,000 li għal dak iż-żmien ma kinitx ċajta! Nies promittenti kienu jgħidulha li jekk ser tagħmel hekk kienet ser tfalli, iżda l-istint ta’ Rachel u l-familja tagħha kien li jkomplu għaddejin. “Jien kont nemmen li tista’ taħdem għax bdejna nitfgħu l-passjoni kollha tagħna” tgħid Rachel fuq il-programm ‘Wirt u Eredi’.
Il-programm beda jsir aktar u aktar popolari, saħansitra spiċċa l-aktar programm li kienu qed jaraw in-nies. “Il-professur li kien għamel is-survey tal-udjenzi kien qal li ‘Tista’ tkun Int’ kien fenomenu għad-dinja kollha għax il-Ħadd filgħodu ma jarawx programmi n-nies” tgħid Rachel.
“Wara 7 snin, ħadna deċiżjoni li kien wasal iż-żmien biex jieqaf għa xkienu ġraw xi affarijiet u waqqafna l-programm. Xejn xejn konna għidna li nistgħu nieħdu ħsieb il-kumpaniji tagħna li dak iż-żmien kienu kibru mhux ħażin” tgħid Rachel fl-intervista.
Tgħid Rachel għad issib ftit ħin biex tirritorna dan il-programm tant maħbub mill-Maltin?