“Ilek Disa’ Snin Li Tlaqt, Imma Għadni Nħossok” – John Bundy Ifakkar Lil Missieru B’Messaġġ Li Jmiss Il-Qalb

Il-preżentatur magħruf John Bundy qasam messaġġ mill-qalb fuq il-midja soċjali, hekk kif illum qed ifakkar id-disa’ anniversarju mill-mewt tal-għażiż missieru Fred. Permezz ta’ ritratt tal-familja, John esprima kemm għadu jħoss in-nuqqas tiegħu, speċjalment meta jaħseb fil-mumenti sbieħ li missieru ma kellux iċ-ċans jesperjenza.

"Qed tarah dan ir-ritratt missier? Dak int li hemm fih, int, ftit qabel ma tlaqt ħelu," kiteb John, filwaqt li indirizza direttament lil missieru b’kliem mimli mħabba u nostalġija. Huwa kompla billi tkellem dwar it-tfal li jidhru fir-ritratt, li missieru qatt ma kellu l-opportunità jsir jafhom. "Qed tarahom dawk it-tfal, lil dawk ma lħaqthomx, ma tafhomx, imma dawk kollha tiegħek, int bużnannuhom, dawk kollha t-tfal ta’ ulied uliedek."

John stqarr li m’għandu l-ebda dubju li missieru kien ikun kburi ferm b’dawn it-tfal u kien jieħu gost iqatta’ l-ħin magħhom. B’taħlita ta’ niket u umoriżmu, kiteb ukoll, "Tort tiegħek, int qatt ma ġejt s’hawn, ilek 9 snin illum li sparixxejt fiżikament." Minkejja li għaddew disa’ snin minn meta tilef lil missieru, John spjega li għadu jħoss il-preżenza tiegħu. "L-ispirtu tiegħek qiegħed x’imkien imma s’issa jien għadni ma rajtu qatt għalkemm inħossu."

Il-messaġġ jintemm bi kliem partikolarment emozzjonanti, li juri kemm l-imħabba lejn persuna għażiża tibqa’ ħajja minkejja l-mogħdija taż-żmien. "Se nħallik u nfakkrek biss li qalbna għadha taqbad għalik u l-bieb dejjem miftuħ, meta trid ejja." Kliem li jfakkarna kemm in-nuqqas ta’ dawk li nħobbu jinħass b’mod speċjali fil-mumenti importanti tal-familja, meta nixtiequ li jkunu għadhom magħna biex jaqsmu l-ferħ u l-memorji sbieħ.

Ritratt:

Facebook / John Bundy

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI