Bir-Ritratti: Jinstab Qabar Bi Skeletru Sħiħ Waqt Li Kienu Qed Iħaffru Biex Jibnu

Il-ġimgħa li għaddiet il-Heritage Data Management and Research Unit fi ħdan is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kkonkludiet l-iskavar ta’ qabar Puniku li nkixef waqt il-monitoraġġ arkeoloġiku għal biċċa art li hija ppjanata biex tiġi żviluppata.

Is-Sovrintentenza qalet li “l-art hija viċin ħafna ta’ oqbra oħra skoperti qabel matul Triq Tal-Barrani fiż-Żejtun.” Il-qabar jikkonsisti f’xaft tal-blat u kamra tal-qabar, li nstabet issiġillat b’ċangatura.

Ġewwa l-qabar instab skeletru flimkien ma’ xi vażuni tal-fuħħar. Is-Sovrintendenza żvelat li “fil-ġimgħat li ġejjin l-osteoloġisti se jistudjaw l-iskeletru biex jaraw jekk huwiex ta’ raġel jew mara, kemm kellha żmien il-persuna meta mietet, kwalunkwe marda li l-persuna seta’ kellha, kif ukoll informazzjoni oħra. L-arkeoloġi u speċjalisti oħra se jkunu qed inaddfu u jistudjaw aktar il-fuħħar sabiex jiddataw id-difna b’mod aktar preċiż.”



Il-qabar ġie dokumentat u se jkun protett skont l-Att dwar il-Wirt Kulturali 2019. Il-qabar se jkun elenkat fl-Inventarju Nazzjonali, u se joffri aktar informazzjoni biex l-arkeoloġisti jifhmu l-pajsaġġ arkeoloġiku taż-żona.

Facebook/Superintendence of Cultural Heritage

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI