SOAR huwa servizz tal-NGO Fondazzjoni St Jeanne Antide li joffri tliet servizzi ewlenin: Grupp ta’ Appoġġ għal persuni li esperjenzaw vjolenza domestika, kif ukoll jagħtu promozzjoni tad-drittijietm, u anke workshops edukattivi.
SOAR qasmu storja, fejn aktar minn disa’ snin ilu, omm ta’ ħames subien żgħar sabet ruħha f’sitwazzjoni diffiċli wara li tilfet l-appoġġ ta’ żewġha u tal-familja tiegħu.
Bl-appoġġ tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide u s-servizz SOAR, bdiet tibni ħajjitha mill-ġdid filwaqt li trabbi lil uliedha. Minkejja t-tbatijiet u d-diffikultajiet finanzjarji, din l-omm baqgħet tagħmel minn kollox biex uliedha jkollhom dak li kellhom bżonn.
Maż-żmien, hi stess saret voluntiera ma’ SOAR, u llum tgħin b’dedikazzjoni fil-kċina waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ sapport.
Ftit jiem ilu, wieħed minn uliedha beda l-ewwel xogħol tiegħu. Mument speċjali immens kien meta ddeċieda li jagħmel differenza wara l-għajnuna li rċieva.
Mill-ewwel salarju tiegħu ried jgħin lil ommu u lil ħutu. Talab lil ommu tipprepara ikla għall-grupp ta’ sapport ta’ SOAR. Apparti minn hekk, meta żar l-uffiċċji tal-Fondazzjoni, qal bi kburija li SOAR parti mill-familja tiegħu u li ma setax jirċievi l-ewwel salarju tiegħu mingħajr ma jiftakar fihom.
SOAR li akkumpanjaw lil ommu u għenuh jikber. Għal dawk preżenti, kienet esperjenza emozzjonanti li raw lit-tifel li kienu jafuh jikber f’żagħżugħ ġentili u grat.
SOAR jiktbu, "Lit-tifel li rajnieh jikber: grazzi talli ftakart fina... Aħna onorati li aħna parti mill-ħajja tiegħek. Aħna ta' SOAR, fi ħdan il-Fondazzjoni St Jeanne Antide, ninsabu kburin li nimxu spalla ma’ spalla ma’ familji bħal tiegħek."
Prosit tassew lil dan ir-raġel b'qalb tad-deheb u bi gratitudni kbira!