It-traffiku huwa suġġett li jinsab fuq fomm kull persuna li tgħix f’Malta, iżda xi drabi anke s-soluzzjoni jaf tkun daqstant qrib. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Kunvent Santa Tereża Bormla qasmu mas-segwaċi tagħhom messaġġ rigward dan is-suġġett.
Qalu, “Kultant nidħak għax filwaqt li spiss diversi huma dawk li jgergru li jsibu t-traffiku waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġaw, ftit jirrealiżżaw li huma parti mill-problema, anzi huma l-problema. Ftit ilu xi ħadd tella’ kitba fuq il-midja soċjali, li malli ħarġet mil-garaxx, mal-ewwel sabet it-traffiku. Imma skużani, mhux ovvja li se ssib it-traffiku ? X’tippretendi li għax int iddeċidejt li toħroġ mil-garaxx bil-karozza, kulħadd joqgħod id-dar, ħalli int ma tiltaqax ma’ traffiku ?”
Żiedu, “11-il-sena ilu, P. Juan ra ġejja din il-problema, u għalhekk qatagħha li jibda jivvjaġġa bir-rota. Fi 11-il-sena, saq 80,000 km, li huma d-dawra tad-dinja għal darbtejn. Dan wassal għal anqas tniġġiz fl-arja, u anqas traffiku. U ajma tgħiduli, b’karozza waħda se tnaqqas it-traffiku? B’waħda biss le, imma intant int li mhux qiegħed issibni fit-triq b’karozza, għandek ċans issib parking aktar, apparti li se tavvanza żewġ metri aktar meta tkun fit-triq. U kieku oħrajn jagħmlu bħali, l-problema tkompli titjieb.”
Żiedu, “Is-sabiħa li eluf kuljum imorru l-gym, anke kmieni filgħodu (flok imorru jisimgħu quddiesa).U mhux hekk ingħidu immur il-gym! Fejn se nsib il-ħin biex immur il-gym? Imma bir-rota nista’ nagħmel eżerċizzju bla ma naħli l-ħin. Tuża r-rota hija rebħa għal kulħadd. Mela jekk waqt li tkun qiegħed issuq il-karozza issib ċiklist, flok iġġennen lil povru ċiklisti li qiegħed isolvilek il-problema li qiegħed toħloq int stess, billi ddoqqlu l-ħorn qisek xi ħadd li għadu kif belagħhom, ftakar li l-problema tat-traffiku hija int, u int biss, u l-ebda sewwieq tar-rota mhu qiegħed itellfek milli tasal fil-ħin fejn tixtieq li tasal.