Wara snin ta’ suċċess u popolarità fost it-telespettaturi Maltin u Għawdxin, Brillanti se jkun qed jiftaħ kapitlu ġdid bl-ewwel edizzjoni ta’ Brillanti Juniors, programm iddedikat kompletament għat-talenti artistiċi tat-tfal. Matul is-snin, Brillanti ta spazju lil diversi talenti biex juru l-kapaċitajiet tagħhom quddiem udjenza nazzjonali. Issa, fis-sitt sena tiegħu, il-format se jespandi biex jagħti opportunità wkoll lil tfal sa 13-il sena li għandhom passjoni u talent fil-qasam artistiku.
L-ewwel edizzjoni ta’ Brillanti Juniors tibda llejla, il-Ħamis 1 ta’ Ottubru, u se tkompli tixxandar kull nhar ta’ Ħamis. It-tfal se jkollhom l-opportunità li juru x’jafu quddiem ġurija magħmula minn tliet personalitajiet magħrufa. Fuq il-ġurija se naraw lil Matt BLXCK, magħruf għall-karattru u l-preżenza distintiva tiegħu, flimkien ma’ Miriana Conte, li se ġġib magħha l-enerġija u l-personalità tagħha. Magħhom se tingħaqad Dianne Pilkington, artista b’esperjenza estensiva fuq il-palkijiet tal-West End, kif ukoll fit-teatru, fil-film, fit-televiżjoni u fil-mużika.
Fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni se naraw lil Amy Farrugia, Arielle Zammit, Giulia Zammit, Naielle Grixti, Lena Muscat, Jade Schembri, Hayley Vella, Chanel Abela Camilleri, Benji Herrera Role, Zaya Darmanin u Emily Fava jippruvaw jimpressjonaw lill-ġurija u jiksbu post fil-kwarti tal-finali. Il-kreatur, produttur u preżentatur tal-programm, Joseph Chetcuti, wiegħed edizzjoni mimlija emozzjonijiet u mumenti speċjali.
“Il-mumenti li se ngħixu flimkien u l-emozzjonijiet li se jwasslulna t-tfal tagħna se jkunu memorabbli u bla dubju emozjonanti, b’sorpriżi u mumenti li m’aħna se ninsew qatt!” qal Chetcuti. Issa kollox jinsab lest biex dawn it-talenti żgħar jitilgħu fuq il-palk ta’ Brillanti Juniors u juru dak li kapaċi jagħmlu. Min minnhom se jirnexxielu jimpressjona lill-ġurija u jagħmilha għall-kwarti tal-finali?