B’sogħba l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ħabbret li ħalla din id-dinja l-President Onorarju tagħha Grezzju Abela. Dan ġara lbieraħ is-Sibt 17 ta' Ottubru 2026.
"Grezzju, jew kif kien magħruf magħna Sinu, sa minn eta zgħira kkontribwixxa f’kull aspett tal-festa ta' San Ġużepp u s-Soċjetà mużikali marbuta magħha. Lil Grezzju dejjem kont issibu l-knisja jieħu ħsieb u jindokra l-istatwa ta' San Ġużepp u dak kollu li jappertjeni lill-Fratellanza ta' San Ġużepp li tagħha kien ukoll ir-Rettur."
L-għaqda żżid, "L-involviment tiegħu fl-armar ma kienx ristrett biss għall-knisja. Sinu kien ukoll attiv fl-armar estern tal-festa tagħna u kien wieħed mill-fundaturi tat-twaqqif tal-Kummissjoni Armar San Ġużepp lura fl-1993. Grezzju għamel żmien twil membru tal-kumitat ċentrali fejn okkupa wkoll il-kariga ta' direttur fi żmien meta l-"Meravilja" kien qed jinbena."
Kellu mħabba anke għax-xogħol pirotekniku, u jsemmu kemm kien jirsisti b’risq il-festa, fejn dejjem ta ħin u d-dedikazzjoni minkejja kollox.
"Grezz, ta' dan kollu, is-Soċjetà Ġużeppina tibqa' grata lejk filwaqt li ssellimlek u tirringrazzjak għall-ħidma tiegħek u testendi l-kondoljanzi tagħha lill-familja ta' Grezzju Abela f'dan il-mument diffiċli. Id-dettalji tal-funeral jingħataw iktar 'il quddiem f'komunikat ieħor. Strieħ fis-Sliem Grezzju."
Insellmu l-memorja ta' Grezzju.