Chess Galea Bi Rwol Ewlieni F’Tour Dinji Ġdid Li Jiċċelebra L-Mużika Ta’ Michael Jackson

Il-kantanta Maltija Chess Galea qed tkompli tagħmel isem għal Malta fix-xena internazzjonali hekk kif ingħatat irwol ewlieni fil-produzzjoni l-ġdida Can You Feel It, tour dinji li jiċċelebra l-mużika tal-leġġenda Michael Jackson.

Imwielda u mrobbija s-Swieqi, Chess Galea diġà kisbet esperjenza internazzjonali wara li daret diversi pajjiżi mal-produzzjoni rinomata The Australian Pink Floyd Show. Issa, se tkun parti minn Can You Feel It, produzzjoni ġdida mill-produtturi ta' Thriller Live, li se tiftaħ fiċ-Ċina qabel tibda tour internazzjonali.

F'kumment dwar din l-opportunità, Chess qalet li tinsab kburija ħafna li qed terġa' tirrappreżenta lil Malta fuq il-palk internazzjonali. Iżda din mhix l-unika aħbar sabiħa għall-artista Maltija. Fl-istess żmien, Chess qed tniedi wkoll is-single oriġinali l-ġdida tagħha flimkien ma' filmat mużikali, pass ieħor fil-karriera tagħha bħala recording artist.

Hija sostniet li, filwaqt li tħossha onorata li tkun parti minn produzzjonijiet internazzjonali ta' dan il-livell, għaliha huwa importanti wkoll li tkompli toħloq u toħroġ il-mużika oriġinali. B'dawn iż-żewġ proġetti, Chess Galea qed tkompli tibni karriera internazzjonali b'saħħitha filwaqt li żżomm l-identità artistika tagħha u tkompli ġġorr il-bandiera Maltija madwar id-dinja.

Prosit, Chess!

Ritratti:

Facebook / Chess Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI