Il-Milied f’Malta huwa sinonimu mal-pantomima u din is-sena l-MADC se tieħu lill-udjenza fuq vjaġġ maġiku lejn Neverland. Il-pantomima Peter Pan se tittella’ fit-Teatru Manoel bejn it-22 ta’ Diċembru u l-5 ta’ Jannar, b’20 rappreżentazzjoni kemm waranofsinhar, kif ukoll filgħaxija.

B’kitba ta’ Chiara Hyzler u direzzjoni ta’ Stephen Oliver, il-produzzjoni ssegwi l-avventura ta’ Wendy u ħutha, li flimkien ma’ Peter Pan u Dama stravaganti jaffrontaw lill-Kaptan Hook u l-ekwipaġġ tiegħu ta’ pirati. Bħalma wieħed jistenna minn pantomima, mhux se jonqsu l-kanzunetti, iċ-ċajt, il-mumenti komiċi għaż-żgħar u naturalment id-doża annwali ta’ satira politika għall-kbar!

Jean Pierre Busuttil se jerġa’ jieħu l-irwol tad-Dama, Francesco Nicodeme se jinterpreta lil Kaptan Hook, filwaqt li David Ellul se jkun qed jinterpreta l-karattru ta’ Peter Pan. Magħhom jingħaqdu diversi artisti lokali oħra. Din is-sena, għall-ewwel darba, l-MADC se tkun qed tippreżenta żewġ pantomimi fl-istess żmien, hekk kif minbarra Peter Pan fit-Teatru Manoel, se tittella’ wkoll Hercules fit-Teatru Salesjan.

"Il-pantomima hija l-uniku spettaklu tas-sena li jiġbor lill-familja kollha flimkien fit-teatru, u għal ħafna tfal tkun l-ewwel esperjenza tagħhom f’dan l-ambjent," qal id-direttur Stephen Oliver.
Il-produzzjoni hija addattata għal spettaturi minn tliet snin ’il fuq u qed tiġi appoġġjata minn Dee Spas Wellness, Elia Caterers, Brown’s u La Maison Française.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn madc.com.mt jew teatrumanoel.mt.