Malcolm Pisani Jaqsam Magħna L-Maġija Tal-Milied U Jħabbar It-Tnedija Ta’ Kanzunetta Festiva Ġdida

Dawk li jsegwu lill-kantant u preżentatur lokali Malcolm Pisani żgur li jafu kemm għandu għal qalbu ż-żmien tal-Milied. Ta’ kull sena, Malcolm jiddedika ħin u enerġija biex iżejjen daru u joħloq dik l-atmosfera maġika li tant iħobb. Permezz ta’ filmat li qasam fuq il-midja soċjali, Malcolm tana ħarsa lejn is-siġra tal-Milied tiegħu, li għandha tifsira ferm speċjali għalih u għall-familja tiegħu.

"Is-siġra li ta’ kull sena teħodli sigħat twal ta’ xogħol u paċenzja u fl-istess ħin tgħaqqadna u madwarha niċċelebraw l-isbaħ mumenti familjari," kiteb Malcolm, filwaqt li spjega li dejjem ipoġġi l-istilla fil-quċċata tagħha għax din tirrappreżenta t-twelid tal-Bambin Ġesù.

Iżda din is-sena, Malcolm għandu wkoll sorpriża mużikali għal dawk kollha li bħalu jħobbu l-Milied. Il-kantant tana togħma tal-kanzunetta festiva l-ġdida tiegħu, Christmas Joy, li ġie offrut li jkanta grazzi għal DJ Hyper Steve. Malcolm stqarr li sa mill-ewwel sekondi li sema’ din il-kanzunetta, imtela b’ferħ festiv u jinsab kuntent ferm li aċċetta li jkantaha.

Il-kanzunetta se titnieda uffiċjalment nhar il-Ħadd waqt il-Mixgħela tal-Milied f’Birkirkara, ir-raħal twelid il-kantant, fis-18:00 fi Pjazza Sant’Elena. Din se tkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaformi diġitali kollha. Żgur li għal Malcolm, din il-kanzunetta se tkompli żżid mal-maġija ta’ dan iż-żmien tant għażiż għalih. Nawgurawlu kull suċċess b’din il-kanzunetta ġdida u l-isbaħ xewqat għall-festi li ġejjin!

Ritratt:

Facebook / Malcolm Pisani

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI