Janet Zahra Walker qasmet riflessjoni sinċiera u emozzjonanti fuq il-midja soċjali dwar kif l-isklerożi multipla (MS) bidlitilha ħajjitha, l-isfidi li ilha taffaċċja għal snin sħaħ u n-nuqqas li tħoss tal-indipendenza li darba kellha.
"Kemm nimmissja lili nnifsi… dik li kont qabel l-MS," bdiet tikteb Janet, filwaqt li ħarset lura lejn l-ewwel sintomi li esperjenzat, fosthom sturdament, uġigħ, tnemnim u problemi ta’ bilanċ.
Hija rrakkontat kif matul is-snin fittxet diversi soluzzjonijiet sabiex ittejjeb il-kundizzjoni tagħha, saħansitra attendiet skola biex terġa’ titgħallem timxi sew. Illum tistaqsi kemm minn dawk is-sintomi setgħu kienu sinjali bikrija tal-MS u kemm setgħet kienet differenti ħajjitha kieku sabet it-tweġibiet qabel.
Janet tkellmet ukoll dwar id-diversi mezzi ta’ għajnuna għall-mobbiltà li tuża llum, fosthom il-krozzi u s-siġġu tar-roti elettriku. Għaliha, dawn mhumiex sinjal li qatgħet qalbha, iżda mezzi li jippermettulha tibqa’ indipendenti, tmur għax-xogħol, toħroġ u tkompli tgawdi l-ħajja.
"Għaliex persuna li diġà qed tiġġieled ma’ ġisimha trid tiġġieled man-nies ukoll? L-aċċessibbiltà u l-konsiderazzjoni mhumiex pjaċiri. Kultant, bidla żgħira għal ħaddieħor tista’ tagħmel differenza enormi fl-indipendenza ta’ persuna," saħqet Janet.
Hija stqarret li timmissja dawk l-affarijiet sempliċi li ħafna minna nieħdu bħala fatt, bħall-mixi mingħajr għajnuna, it-tlugħ tat-taraġ u l-possibbiltà li tagħmel pjanijiet mingħajr ma jkollha tqis il-limitazzjonijiet fiżiċi tagħha. "Ma rridx ħniena. Irrid biss ftit fehim, empatija u konsiderazzjoni. Id-determinazzjoni tiegħi ma nbidlitx. Ġismi nbidel," kitbet Janet.
Hija fakkret ukoll li l-fatt li persuna għandha karattru b’saħħtu, tidħaq u tiċċajta ma jfissirx li mhix qed tbati. Bl-istess mod, li taċċetta d-diżabbiltà tagħha ma jfissirx li ma tistax tħoss in-nuqqas ta’ dak li tilfet. "Għadni nħobb il-ħajja. Għad għandi l-ħolm tiegħi. Għad għandi elf ħaġa li rrid nagħmel," kompliet tikteb, qabel temmet b’riflessjoni mill-qalb, "Għax l-MS forsi bidlet il-mod kif nimxi fil-ħajja, imma ma bidlitx ix-xewqa tiegħi li ngħixha."
Messaġġ li għandu jservi ta’ riflessjoni għalina lkoll dwar l-importanza tal-empatija, l-aċċessibbiltà u l-konsiderazzjoni lejn dawk li ta’ kuljum jaffaċċjaw sfidi li mhux dejjem ikunu viżibbli għal għajnejna.
Facebook / Janet Zahra Walker